Somalu ta’ 51 sena li nqabad bi tmien qratas kokaina f’Paceville kien ikkundannat disa’ xhur priġunerija wara li wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu.
Abdulaziz Abdikadir Hasan, li m’għandux indirizz f’pajjiżna, ammetta li fl-20 ta’ Diċembru 2025 u fil-jiem, il-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel, ittraffika u kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina.
Huwa wieġeb ħati wkoll li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ u li għex ħajja t’għażż u vagabondaġġ.
Qabel tat is-sentenza, il-Maġistrat Nadia Helena Vella qieset il-fedina penali tal-imputat li minnha jirriżulta li huwa kien instab ħati darba oħra fl-2013. Qieset ukoll li huwa m’ammettiex fi stadju bikri tal-proċeduri u li l-prosekuzzjoni kienet waslet biex tagħlaq il-provi.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li fuq ammissjoni tiegħu stess, Hasan instab ħati u kien ikkundannat disa’ xhur priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €500.



