Friday, April 26, 2024

Diskussjonijiet fi ħdan it-Taliban dwar l-aħjar rispons għall-attakk tal-Istati Uniti fuq il-mexxej tal-Al Qaeda

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat, il-mexxejja tat-Taliban ġewwa l-Afganistan bdew diskussjoni­jiet biex fihom jaraw x’għandu jkun l-aħjar rispons għall-attakk bi drone li l-Istati Uniti wettqet fl-aħħar jiem u li fih inqatel il-mexxej tal-al-Qaeda Ayman al-Zawahiri. 

Uffiċjali tal-Istati Uniti, li tkellmu b’mod anonimu, qalu li Washington se tibqa’ twettaq attakki fuq miri tal-al Qaeda ġewwa l-Afganistan biex ikun żgur li dan il-pajjiż qatt ma jerġa’ jsir refuġju għat-terroristi. 

Min-naħa tagħhom il-mex­xejja tat-Taliban, li għandhom relazzjoni tajba mal-al Qaeda, għadhom ma kkonfermawx il-mewt ta’ al-Zawahiri tant li nhar il-Ħadd li għadda huma qalu li vera seħħ l-attakk imma d-dar kienet vojta. Rigward dan uffiċjal għoli tat-Taliban, li tkellem ma’ Reuters bil-kundizzjoni li ma jkunx identifikat, ikkonferma li bħalissa għaddejjin laqgħat dwar jekk għandux ikun hemm reazzjoni għal dan l-attakk, u jekk iva x’tip ta’ reazzjoni trid tkun. Dan l-istess uffiċjal ukoll naqas milli jikkonferma jekk Zawahiri kienx fid-dar xħin seħħ l-attakk. 

Ir-reazzjoni tat-Taliban jista’ jkollha effetti sinjifikanti speċjalment meta wieħed jiftakar li dan il-grupp qiegħed ifittex il-leġittimità internazz­jonali wara li ħa lura l-kontroll tal-Afganistan. Ir-riko­noxximent internazzjonali tat-Taliban bħala l-mexxejja tal-Afganistan huwa kruċjali biex jiġu rilaxxati biljuni ta’ dollari li fil-preżent jinsabu ffriżanti. Min-naħa tagħha l-Istati Uniti qiegħda tisħaq li t-Taliban jeħtieġ li jirriforma l-politika tiegħu speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tan-nisa u l-bank ċentrali. 

Sport