Tuesday, May 14, 2024

“Diżappuntat li tlifna l-kampjonat iżda nara futur sabiħ għal dan il-klabb glorjuż”

Intervista mal-president ta' Floriana, Johann Said, rebbieħ tal-FA Trophy

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Jien Furjaniż pur u minn dejjem niftakarni mmur nara dan it-team tant għal qalbi. 

Missieri kien jeħodni miegħu sa minn meta kont żgħir u min jaf kemm il-darba mort fl-Empire Stadium, il-Gzira, fis-snin 70. Din l-imħabba lejn it-team Furjaniż kompliet tikber aktar ma beda jgħaddi ż-żmien.

Niftakar dak il-perjodu tas-snin 90 meta fl-istaġun 1993/94 irbaħna l-kampjonat. Kelli xewqa li xtaqt li ssir realta’ aktar ‘il quddiem … dik li mmexxi lil Floriana FC u nara li nġibu s-suċċessi.

Kien fis-sena 2010 li ġejt maħtur bħala president ta’ dan il-club tant glorjuż u f’dik is-sena stess konna spiċċajna fit-tieni post tal- klassifika tal-Kampjonat Pre­mier kif ukoll irbaħna l-FA Trophy … kontra Valletta.

Semmejt il-finali tas-sena 2011 li rbaħtu kontra Valletta. X’tiftakar minn dik il- partita?

Niftakar ħafna affarijiet sbieħ minn dik il-partita. Irnexxielna nagħtu telfa lil Valletta li kienu ilhom sentejn ma jitilfu u kellna nkunu proprju aħna li nirbħulhom. 

Niftakar dak il-free-kick ta’ Ivan Woods li permezz tiegħu rbaħna l-finali. Dak kien ukoll żmien li rbaħna trofew wara 17-il sena u għalhekk iktar u iktar ħassejtni sodisfatt.

Madankollu hemm ħafna kumbinazzjonijiet mill-unur li rbaħt dakinhar għal lum il-ġurnata. 

Bħal 11-il sena ilu, anke din id-darba spiċċajna fit-tieni post tal-klassifika, irbaħna l-FA Trophy u għal darb’oħra kontra Valletta. Dan kollu meta għamilt 10 snin ‘il bogħod mill-footbal. Ninsab kuntent b’dak li rnexxielna nagħmlu.

F’intervista li kellna ftit tal-ġranet ilu, int fissirt id-diżappunt tiegħek li tliftu l-kampjonat. Forsi r-rebħ tal-FA Ttrophy taffa’ xi ftit dan id-diżappunt?

Ovvjament li mhux kuntent li tlifna l-kampjonat u dan kollu bi tliet punti. 

Jien għandi karattru li niddejjaq nitlef u kburi li jien hekk. F’dak kollu li nagħmel irrid nirbaħ.

Fin-negozju wkoll naħ­dem qatigħ sabiex nara li nirnexxi. F’moħħi u f’qalbi nħossni li rrid nagħti l-aqwa tiegħi għax nemmen li b’xogħol siewi tasal fejn trid.

Iżda x’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess li ksibtu bħala team?

L-ewwel u qabel kollox, importanti li dejjem iż­żomm saqajk mal-art. 

Jien għandi tliet prinċipji importanti li nara li nimplimentahom f’ħajti u dawn huma l-umiltá, ir-rispett u l-grinta. Kull fejn inkun insemmi dawn il-valuri għax nemmen ħafna fihom. 

Jien nitkellem ħafna man-nies għax inħossni bniedem viċin tagħhom.

Din hija xi ħaġa li ngħidha lil kulħadd mhux biss lill-kumitat ħabrieki tiegħi iżda wkoll lid-diriġenti u lill-players li wara kollox huma l-protagonisti prinċipali tar-riżultati li nkisbu matul dan l-istaġun. 

Matul dan l-istaġun, Floriana ħatru lil Gianluca Atzori bħala l-coach il-ġdid tagħhom. Kemm kien fundamentali biex wasaltu għal dawn it-tragwardi?

Gianluca Atzori m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni għax huwa coach ta’ kalibru u fuq kollox coach tipiku kif inħobbu jien. 

L-umiltá li għandu hija kbira ferm filwaqt li mill- ewwel laqatni. Kien grazzi wkoll għal Matthew Carbone li għandu tant għal qal­bu l-football li grazzi għall-kuntatti li għandu wa­sal f’idu l-kurrikulu ta’ Atzori. Il-bqija kulħadd jaf sa­fejn wassalna dan il-coach.

Nitkellmu dwar suġġetti oħra relatati mal-football lokali. Taqbel ma’ kampjonat bi 12-il team?

B’kampjonat bi 12-il team spiċċajna li l-presidenti tal-clubs kellhom jaħdmu 24 siegħa kuljum sabiex jibnu team kompetittiv. Nista’ ngħidlek li jrid ikollok ħafna impenn għal dan ir-rwol.

Jekk nitkellmu dwar dan il-kampjonat, bla dubju, kien wieħed kompetittiv.

Ma ninsewx li kemm Hibernians kif ukoll Floriana ġew draw kontra Santa Lucia, team li spiċċa relegat għaċ-Challenge League.

Kien hemm kompetizzjoni kbira u dan stajna narawh f’kull partita fejn ir-riżultati kienu nċerti sal-aħħar. 

Taqbel li timijiet tal- Kampjonat Premier jużaw 11-il barrani fil-ground?

Min jafni jista’ jgħidlek li jien bniedem favur il-prodott Malti. 

Jien ippruvajt li dak li nwiegħed inwettqu fejn flimkien mal-kumitat rajt li nġibu numru ta’ players żgħażagħ ta’ talent. 

Minbarra Jan Busuttil, li issa sar pedina ferm importanti, għandna wkoll lil Owen Spiteri, Zack Cassar u Mattia Veselji, fost ħafna oħrajn li telgħin mill-akkademja tagħna.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-grounds fejn jintlagħbu l-logħob mill-ogħla kampjonat Malti?

Ma nistax ingerger miż-żewġ grounds prinċipali jiġifieri l-Istadium Nazzjo­nali u dak ta’ Tony Bezzina Stadium f’Kordin. It-tnejn huma grounds ta’ kwalitá li l-players jieħdu gost jilagħbu fuqhom.

Issa se tkunu qed tilagħbu fil-UEFA Europa Conference League. Kif qed tarah il-futur tagħkom fil-partiti internazzjonali li se taffrontaw?

Fil-fatt diġá bdejna l-preparamenti tagħna u ninsab konvint li t-team se jmur aħjar milli mar fl-aħħar logħbiet li konna pparteċipajna fihom. 

Se nippruvaw nagħmlu l-irtokki meħtieġa sabiex inkunu kompetittivi għal dawn il-logħob.

Il-coach Gianluca Atzori huwa kkonfermat fit-tmexxija tat-team għall-istaġun li ġej?

Iva, ikkonfermat kemm hu kif ukoll il-physical trainer Carlo Signorato. Kunfidenti li bit-tmexxija tal-istaff tekniku li għandna se nkomplu għaddejjin fit-triq tar-rebħ.

Barra minn hekk, jidher li se jkun hemm futur sabiħ fi ħdan it-team ta’ Floriana. X’tikkummenta?

Iva nemmen dan għal­kemm mhux kwistjoni li hemm Johann Said biss li dejjem jidher iżda hi ħidma magħquda ta’ kumitat ħab­rieki li jaħdem qatigħ sabiex isem dan it-team dej­jem ikun fl-ogħla pedestal li tant jixraqlu.  

Tinsiex li biddilna 21 persuna ġdida mill-bidu tal-istaġun ‘l hawn bejn players, membri tal-kumitat u coaching staff. 

Dawn integraw mill-ewwel u llum il-ġurnata wie­ħed jista’ jara r-riżultati.

Fl-aħħarnett nixtieqek twassal l-aħħar messaġġ lill-partitarji ta’ Floriana

L-ewwel nett nirringraz­zjahom li nhar il-Ħadd li għadda telgħu bi ħġarhom fl-Istadium Nazzjonali fejn l-appoġġ tagħhom ma waqaf qatt … dan ifisser li l-messaġġ tal-kumitat qed jasal.  

Nemmen li dawn l-istess partitarji huma t-12-il player fil-ground. Kont verament kuntent li rajthom ji­firħu bis-suċċess tat-team.

Nispiċċa din l-intervista eżatt kif bdejt. Wieħed għandu jżomm l-umiltá l-ħin kollu, ir-rispett iżda wkoll il-grinta jekk verament irid jikseb xi ħaġa.

Nirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti matul dan l-istaġun sabiex ksibna dawn it-tragwardi.

Stajna rbaħa l-kampjonat iżda ġejna t-tieni, tliet punti taħt il-leaders. 

Ngħid lill-partitarji sabiex jibqgħu magħna f’dan il-vjaġġ li bdejna għax kif għedt int qed nara futur isbaħ ġej għal dan it-team glorjuż.

Sport