Friday, December 20, 2024

Dmir li nfakkru kull mewta traġika fuq il-post tax-xogħol

Aqra wkoll

Issa li ngħalqet l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u sar magħruf l-eżitu tagħha b’xejn inqas minn 39 rakkomandazzjoni li, taqbel jew ma taqbilx magħhom, il-Gvern diġa’ kkommetta li se jimplimenta fl-intier tagħhom anke b’mod immedjat, ittieħdu wkoll inkonsiderazzjoni x-xewqat li esprimiet omm Jean Paul illi s-sit tad-diżgrazzja jinbidel fi ġnien u jingħata isem iż-żagħżugħ.

Filwaqt li naqblu għalkollox ma’ kull idea li s-sit jinbidel fi ġnien, u li l-mewta taż-żagħżugħ tibqa’ mfakkra, b’danakollu ma nemmnux li jekk u meta jsir il-ġnien jissemma’ għal vittma waħda, meta hemm għexieren oħra ta’ ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq ix-xogħol f’siti ta’ kostruzzjoni. Għaliex qed ngħidu dan? Għaliex dawk il-ħaddiema kollha li mietu fuq il-post tax-xogħol tagħhom għandha tkun, kif xieraq, imfakkra l-memorja tagħhom ukoll.

Aħna niftakru li meta ġrat it-traġedja tal-Um El Faroud li fiha kienu mietu f’daqqa disgħa ħaddiema waqt il-ħidma tagħhom fuq dak il-bastiment, il-ħaddiema tat-Tarzna, bl-iktar mod onorevoli u oneruż ftit wara t-traġedja, kienu waqqfu fit-Tarzna stess mafkar li jikkommemora mhux biss lill-vittmi tal-Um El Faroud imma lil dawk il-ħaddiema kollha li ħallew ħajjithom fil-baċiri tat-Tarzna. Hekk kien sewwa u xieraq.

Għalhekk, aħna nirraġunaw illi l-eżempju li taw il-ħaddiema tat-Tarzna għandu fil-fehma tagħna japplika wkoll għall-ġnien li se jsir flok is-sit tal-binja li kkollassat u qatlet lil Jean Paul. Dan m’aħna ngħiduh b’disprezz lejn ħadd imma għax nemmnu li kull mewta fuq il-post tax-xogħol hija traġedja u ebda waħda minnhom ma hi inqas importanti mill-oħrajn.

Filwaqt li aħna mhux biss imfaħħru imma wkoll napprezzaw il-fatt li l-Ministru Silvio Schembri f’isem il-Gvern laqa’ x-xewqa ta’ omm Jean Paul Sofia, li s-sit tad-diżgrazzja f’Kordin jinbidel fi ġnien pubbliku, nittamaw li s-suġġeriment tagħna jiġi kkunsidrat ukoll. Jekk le inħeġġu li jitfittex biex jinstab sit ieħor biex isir ġnien li jfakkar lill-ħaddiema l-oħra kollha li ħallew ħajjithom traġikament waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħhom, partikularment dawk f’siti ta’ kostruzzjoni.

Ekonomija

Sport