Saturday, May 4, 2024

Donald Trump iċċensurat

Aqra wkoll

Twitter iwaqqaf għal 12-il siegħa lill-President Amerikan milli jagħmel tweets wara li faħħar kura dubjuża għall-Covid-19

Minn Carmen Cachia

Il-kont ta’ Twitter tal-President Amerikan, Donald Trump, ġie sospiż għal perjodu ta’ 12-il siegħa wara li tella’ vidjow ta’ tabiba li saħqet li trattament bil-mediċina “hydroxychloroquine” ifejjaq lill-pazjenti bil-Coronavirus. Din mhix l-ewwel darba li l-President tal-Istati Uniti, anke f’konferenzi tal-aħbarijiet, ħareġ b’dawn it-tip ta’ ideat, meqjusa mill-qasam mediku, bħala perikolużi. Trump, filwaqt li kemm-il darba saħaq li huwa mhuwiex tabib, f’din il-pandemija globali, ippropona lill-poplu Amerikan “kura” possibbli għall-virus li oriġina miċ-Ċina.

Il-kelliem tal-President Amerikan, Andrew Surabian, ħabbar din iċ-ċensura “pulita” minn Twitter u saħaq li l-Big Tech hija l-akbar theddida għal-libertà tal-espressjoni fl-Amerika. Fuq Twitter Trump kien diġà tella’ vidjow u kiteb favur il-mediċina “hydroxychloroquine” imma dan id-diskors mit-tabiba Stella Immanuel tneħħa kemm minn fuq Facebook, Twitter u Youtube. 

Din it-tabiba attakkat lit-tobba “ta’ taparsi” li jiddubitaw fl-effiċjenza ta’ din il-mediċina biex tfejjaq lin-nies u fl-istess ħin anke ħeġġet lill-pubbliku biex ma jilbsux maskra.

“Informazzjoni qarrieqa u potenzjalment perikoluża”

Il-mediċina “hydroxychloroquine”, li hija f’nofs din il-kontroversja, hija trattament oriġinarjament maħdum għall-kura tal-malarja. Dan it-trattament jintuża wkoll biex jikkura ċertu mard fl-immunità tal-ġisem fosthom il-lupus u l-artrite. Issa, skont din it-tabiba u Trump, il-“hydroxychloroquine” jista’ jfejjaq lin-nies infettati mill-Covid-19. 

Fi stqarrija maħruġa f’isem Twitter ingħad li, “ikkonkludejna li dan il-kont kiser ir-regoli tagħna. Speċifikament dik dwar tixrid ta’ informazzjoni qarrieqa u potenzjalment perikoluża rigward il-Covid-19”. Il-kelliem ta’ Trump, Surabian, tella’ ritratt tal-avviż maħruġ fuq Twitter nhar it-Tlieta li għadda fejn ilmenta li, “illum il-ġurnata Big Tech hija l-akbar theddida għal-libertà tal-espressjoni fl-Amerika u qegħdin dejjem ikomplu jindaħlu fl-elezzjonijiet”.

Iċ-ċensura saret jum biss qabel il-kapijiet eżekuttivi ta’ Amazon – Jeff Bezos, tal-Apple – Tim Cook, tal-Facebook – Mark Zuckerber u tal-Alphabet (kumpanija affiljata ma’ Google) – Sundar Pichai, kellhom jagħtu x-xhieda tagħhom quddiem Kumitat Ġudizzjarju. Is-smiegħ kellu jiffoka fuq kumpaniji ġganteski u l-ksur ta’ liġijiet f’din l-industrija. Il-kap eżekuttiv ta’ Twitter, Jack Dorsey ma kienx irrapportat li se jattendi għal dan is-smigħ.  

Minkejja li l-kont ta’ Trump fuq Twitter huwa temporanjament sospiż, dan xorta waħda jista’ jibgħat messaġġi fuq din il-pjattaforma, kif ukoll jista’ jara x’messaġġi ġodda jitilgħu fuq Twitter. Huwa, però, mhux se jkun jista’ jagħmel tweet, retweet, jara kontijiet ta’ membri oħra jew inkella jagħmel likes.

Tgħid li fejqet 350 persuna b’dan it-trattament…

Il-President Donald Trump fil-lejl tat-Tnejn li għadda tella’ żewġ posts tat-tabiba Stella Immanuel li fihom kien hemm partijiet tad-diskors tagħha li fihom tisħaq ċar u tond li t-trattament tal-malarja fejjaq b’suċċess persuni li mardu bil-virus tal-Covid-19.

Fil-fatt din it-tabib tisħaq li fejqet 350 pazjent b’rata ta’ suċċess mija fil-mija u li qiegħda tkun mhedda minn dawk li qiegħda xxejnilhom l-interessi finanzjarji tagħhom. Skont sostenituri ta’ Stella, bħalissa għaddej skandlu kbir fl-istorja moderna Amerikan u li hemm min ma jridx li toħroġ kura “sempliċi” għall-Cooronavirus.

Minkejja li Trump u l-kelliem tiegħu qalu li l-mossa ta’ sospensjoni mill-użu ta’ Twitter, din il-pjattaforma tal-midja soċjali fi stqarrija qalet li huma ma ssospendewx il-kont tal-President Amerikan imma llimitawh. Kelliem għal Twitter għamilha ċara li kien hemm bżonn jitneħħa dak it-tweet partikolari minħabba li kiser ir-regoli tagħhom u li għalhekk iddeċiedew li jillimitaw il-funzjonijiet tal-kont fuq Twitter ta’ Trump għal 12-il siegħa.

Surabian qal li din l-ispjegazzjoni mhix aċċettabbli. Dan minkejja li l-kelliem ta’ Twitter saħaq li l-kont huwa “temporanjament limitat”. Huwa qal li dan huwa kollu logħob tal-kliem u li din il-mossa hija ovvjament sospensjoni.

Twitter, Facebook u Youtube jirritaljaw

Vidjows tad-diskors ta’ Immanuel bħal-lum ġimgħa barra l-bini Capitol kien segwit minn ħafna nies. Dan sakemm tneħħa minn fuq Twitter, Facebook u Youtube minħabba li kien qiegħed iwassal informazzjoni qarrieqa.

Il-pedjatra fi Houston talbet biex il-pjattaformi tal-midja soċjali jerġgħu jtellgħu l-vidjow tagħha u saħqet li Alla se “jkisser” il-kompjuters tagħhom jekk ma jurux online id-diskors tant importanti tagħha.

“Hello Facebook. Erġgħu tellgħu l-paġna tiegħi u l-vidjows jew inkella l-kompjuters tagħkom jieqfu jaħdmu u dan sakemm ikollkom iċċedu. M’intomx akbar minn Alla. Dan inwegħedkom. Jekk il-paġna tiegħi ma terġgħax titla’ fuq Facebook, dan, f’isem Ġesù Kristu, jieqaf jaħdem,” kitbet Immanuel fi tweet it-Tnejn li għadda.

Immanuel, li hija appoġġjata ferm minn Trump u l-elettorat tiegħu, hija tabiba u ministru reliġjuż li fl-imgħoddi għamlet dikjarazzjonijiet bombastiċi u meqjusa anke surreali. Hija, ħafna drabi, allegat li l-problemi ġinekoloġiċi fin-nisa fosthom ċesti u “endometriosis”, huma fil-verità kkawżati minn nies li joħolmu li jkollhom sess ma’ demonji u sħaħar.

Immanuel tisħaq ukoll li x-xjenzati qegħdin jaħdmu għal tilqima li l-funzjoni tagħha tkun li twaqqaf milli jitwieldu ġenerazzjoni mhux reliġjużi, kif ukoll li fit-trattamenti moderni fil-qasam mediku qiegħed jintuża d-DNA tal-aljeni.

Donald Trump qal li l-vidjow li fih id-diskors ta’ Immanuel huwa importanti ħafna tant li jissuġġerixxi li jarah kulħadd. Huwa tella’ l-link ta’ dan il-vidjow fuq il-paġna tiegħu ta’ Twitter u kien għalhekk li l-aċċess għal dan il-kont ġie llimitat mill-amministrazzjoni. 

Mhix l-ewwel darba li l-President Amerikan ilmenta li l-midja soċjali hija kontra għażliet konservattivi. Wara li Twitter waqqaf temporanjament xi funzjonijiet mill-kont ta’ Trump, il-kelliem tiegħu qal li dawn qegħdin isikktu lill-professjonisti fil-qasam mediku dwar l-opinjoni tagħhom fuq il-“hydroxychloroquine”. Huwa żied jgħid li din hija prova oħra ta’ kemm il-Big Tech għandha l-għan li toqtol il-libertà tal-espressjoni online u attakk ieħor elettorali fuq il-vuċi tar-Repubblikani.

Il-kelliem ta’ Trump temm jgħid li, “filwaqt li huwa fatt li hemm nuqqas ta’ qbil fil-komunità medika dwar l-effiċjenza tal-“hydroxychloroquine” biex ifejqu l-pazjenti tal-Coronavirus, hemm studji rrapportati fuq midja oħra fosthom is-CNN, li jaħsbu li fil-fatt dan it-trattament jista’ jkun effettiv. Huwa gravi li Twitter isikket lil xi ħadd talli qasam aħbar dwar opinjoni ta’ professjonisti”.

Din mhix l-ewwel darba li Twitter ġibed l-attenzjoni ta’ Trump dwar ċerti tweets li tella’ fosthom dik li fiha hedded lid-dimostranti fiż-żona anonima ta’ Seattle li se jikkontrollahom “bil-forza”. Huwa kiteb li, “sakemm nibqa’ president tagħkom, qatt m’hu se jkun hemm żona anonima f’Washington. Jekk tipprovaw ikollhom tiffaċċjaw forza serja”.

L-espert imgiddeb u attakkat personalment…

Jum wara dan it-tweet kontroversjali, l-espert mediku Anthony Fauci qal, “ma nafx x’naqbad ngħid rigward dan. Ma tajtx importanza dak li tella’ Trump fosthom dan id-diskors tat-tabiba Immanuel u l-kritika fil-konfront tiegħi”. 

Fauci, li huwa l-aqwa espert fil-qasam tal-immunità tal-ġisem li hemm f’dan in-nazzjon, f’kumment li ta lil “Good Morning America” saħaq li huwa sempliċiment se jkompli jaqdi dmirijietu u jagħmel xogħlu. 

“Jien ma ntellax tweets u lanqas biss naqrahom tant li lanqas biss irrid nitkellem dwar dan,” insista Fauci, li għandu 79 sena. 

Trump għamel sensiela ta’ messaġġi fuq Twitter it-Tnejn li għadda, inklużi allegazzjonijiet li Fauci gideb lill-pajjiż dwar il-“hydroxychloroquine”. Dan il-President kien anke wasal biex stqarr li huwa kien ħa l-“hydroxychloroquine” bħala miżura ta’ prevenzjoni biex ma jiġix infettat bil-Coronavirus.

Fauci, li huwa membru tat-task force għall-Coronavirus tal-White House, irrispondih billi ddikjara li huwa, qatt u bl-ebda mod ma qarraq lill-poplu Amerikan.

Sport