Saturday, November 23, 2024

Dr George Grech jirbaħ il-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat

Aqra wkoll

Dr George Grech ġie ppremjat l-Premju Nazzjonali għall-volontarjat 2020 waqt serata fil-Kamra tal-Kummerċ li ġiet organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta George Vella fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, u ċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Noel Camilleri.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, filwaqt li rringrazzja lil dawk preżenti għall-ħidma tagħhom b’risq is-soċjetà, ħabbar li l-iskema tal-Operational Assistance Scheme se tiġi estiża fil-ġimgħat li ġejjin. Hu qal li permezz ta’ din l-iskema l-għaqdiet volontarji gawdew minn investiment ta’ €3 miljun fl-2020, l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur. Din hija skema li għenet sabiex ittaffi l-impatt tal-Covid-19 fuq l-għaqdiet volontarji.

Fl-aħħar nett, is-Segretarju Parlamentari Grima tenna l-impenn tiegħu personali kif ukoll tal-gvern illi f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ser inkunu qed ikomplu jsostnu lis-settur tal-volontarjat fil-ħidma tiegħu, liema settur huwa meqjus bħala sieħeb essenzjali fis-soċjetà li ngħixu fiha.

L-għan tal-Premju Nazzjonali huwa li jagħti rikonoxximent wiesa’ lis-servizzi mill-voluntiera u l-organizzazzjonijiet volontarji fi ħdan il-komunità, li joħloq kuxjenza dwar il-valuri eżemplari murija u jsib mudelli għal żgħażagħ u għas-soċjetà b’mod aktar wiesa’, kif ukoll biex jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet importanti li saru f’diversi oqsma.

Dr George Grech beda l-involviment tiegħu mad-Dar tal-Providenza iktar minn 15-il sena ilu. Dr Grech jagħti servizz mediku b’xejn lir-residenti tad-Dar tal-Providenza, u kien il-moħħ wara l-proġett ta’ pixxina terapewtika fl-istess Dar.

Il-premju għall-Volontarjat taż-Żgħażagħ intrebaħ minn Martina Livori. Martina ilha attiva fil-volontarjat minn mindu kellha 12-il sena u attiva f’bosta għaqdiet volontarji u ġġorr responsabbiltajiet, b’mod partikolari fil-Youth Centre Salesjan tal-Isla, fil-Coding Team, fil-Clean & Green Team, fis-Salesian Pastoral Youth Service (SPYS) u l-Youths Engage in Senglea (YES), fis-SYM Environment Team tas-Salesian Green Alliance, fis-Sezzjoni Żgħażagħ Senglejani, fil-Legion of Mary (fuq livelli lokali u nazzjonali), u fl-Association for Linguistics and Language Technology tal-Università, fost l-oħrajn.

Dan il-premju huwa kkumplimentat minn żewġ premjijiet oħra li huma l-Premju għall-Organizzazzjoni Volontarja li ntrebaħ minn Ħal Far Outreach  u l-Premju Korporattiv tal-Volontarjat li ntrebaħ minn Where’s Everybody.

Sport