Saturday, July 4, 2026

‘L-għan tagħna bħala Victoria Hotspurs FC huwa li nikkompetu għall-ogħla pożizzjoni’ – Paul Fenech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Victoria Hotspurs FC ħabbru l-akkwist ta’ Paul Fenech mingħand Swieqi United.

Paul Fenech m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni fil-futbol Malti. Matul il-karriera illustri tiegħu, huwa stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa plejers li qatt żejnu l-logħba lokali, u kiteb ismu fl-istorja tal-futbol Malti.

Fl-2013, Paul rebaħ l-unur tal-MFA Player tas-Sena, u rebaħ ukoll it-titlu tal-Malta Premier League darbtejn ma’ Birkirkara FC. Fix-xena internazzjonali, huwa rrappreżenta lit-Tim Nazzjonali ta’ Malta 62 darba, fejn skorja żewġ gowls.

Matul l-istaġun li għadda, Paul kien figura kruċjali għal Swieqi United FC, fejn kellu rwol fundamentali fil-kampanja impressjonanti tagħhom, li rathom jitilfu l-promozzjoni għall-Malta Premier League wara li tilfu l-play-off deċiżiv kontra Birżebbuġa St. Peter’s FC wara l-għoti tal-penalties.

Fi stqarrija, Vuctoria Hotspurs, qalu li jinsabu eċitati immens li jilqgħu player tal-kalibru ta’ Paul fil-klabb. Huma komplew li t-tmexxija, il-professjonaliżmu u l-mentalità rebbieħa tiegħu mhux biss se jsaħħu lit-tim fil-grawnd iżda se jkollhom ukoll influwenza tremenda fid-dressing room. Dan filwaqt li tennew li l-esperjenza u l-għarfien kbir tiegħu tal-futbol se jkunu imprezzabbli għall-players u għat-tkabbir kontinwu ta’ Victoria Hotspurs FC.

Intant, dan is-sit tkellem ma’ Paul Fenech innifsu fejn talbu jgħaddilna xi kummenti rigward kif qed iħares lejn din l-esperjenza ġdida tiegħu ma’ Victoria Hotspurs, kif ukoll xi kummenti rigward l-esperjenza issa passata tiegħu ma’ Swieqi United FC.

Fi kliemu:

“Din l-esperjenza ġdida fil-karriera tiegħi se tkun unika kemm għalija kif ukoll għal Victoria Hotspurs li huma l-ewwel klabb Għawdxi li qed jikkompeti fil-Kampjonat Malti u li mhux biżżejjed li jikkompetu iżda wkoll li jaslu fl-ogħla diviżjoni.” 

“B’hekk ma kinitx diffiċli biex ir-risposta tiegħi kienet iva biex nissieħeb magħhom. Ninsab ċert li l-motivazzjoni li għandi għall-istaġun li ġej, għandhom l-istess il-membri kollha ta’ dan il-klabb. L-għan tagħna bħala Victoria Hotspurs FC huwa li nikkompetu għall-ogħla pożizzjoni.”

“Nixtieq nirringrazzja lil kull min b’xi mod jaħdem mal-klabb ta’ Swieqi United FC. Kienu żewġ staġuni mill-aqwa. Għalkemm fallejna darbtejn il-promozzjoni fl-aħħar ġranet, xorta jidher ċar fejn dan il-klabb jixtieq jasal.” 

“Ninsab kuntent ukoll bil-prestazzjonijiet tiegħi bis-saħħa tal-kowċis u ovvjament il-players li urew rispett kbir lejja. Wieħed mill-isbaħ mumenti kien meta rbaħna fl-aħħar sekonda tal-ħin barrani tal-FA Trophy kontra Sliema Wanderers. Tant kemm ġraw affarijiet dak inhar li qatt ma nista’ ninsa dak il-mument!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport