Minn Grupp D, fl-4.00 pm, l-Awstralja kisbu l-ewwel rebħa fit-Tazza tad-Dinja, meta għelbu lit-Tuneżija bl-iskor minimu ta’ 1-0.
Dan poġġihom f’pożizzjoni ewlenija biex jikkwalifikaw għall-Aħħar 16, u jinsabu fit-tieni post fl-aħħar round ta’ logħob mill-fażi tal-gruppi.
Rebħa f’din il-partita tarahom jikkwalifikaw, iżda anke permezz ta’ draw jistgħu jagħmlu dan, jekk it-Tuneżija tonqos milli tegħleb lil Franza fil-logħba l-oħra mill-istess grupp.
Id-Danimarka sofriet telfa ta’ 2-1 kontra Franza, li jfisser li s’issa għad iridu jirbħu f’dan it- tournament.
Jeħtieġ li jirbħu din il-partita, iżda kollox jista’ jiddependi wkoll mid-differenza ta’ goals jekk it-Tuneżija jirbħu wkoll, biex jiġi deċiż min se jkun it-tieni team li javvanza għar-round li jmiss.
Għall-Awstralja, Nathaniel Atkinson tilef ir-rebħa fuq it-Tuneżija minħabba injury fl-għaksa li ġarrab fil-logħba kontra Franza u għalhekk jibqa’ dubjuż għal din il-partita.
Min-naħa l-oħra għad-Daniżi, Thomas Delaney, irtira għal kollox mill-iskwadra tad-Danimarka għat-Tazza tad-Dinja, minħabba injury fl-irkoppa.
Simon Kjaer tilef il-logħba kontra Franza minħabba problemi fil-koxxa, iżda għandu jerġa’ jibda mal-ewwel 11 f’din il-partita.