Fis-Summit tal-Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza l-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea fi sfond ta’ realtajiet b’rabta mal-Ukrajna u quddiem soluzzjonijiet possibbli fuq l-immigrazzjoni.
Il-Prim Ministru Malti spjega kif l-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti ġabet dimensjoni differenti, kif kien espress mill-mexxejja infushom. Il-Prim Ministru saħaq li filwaqt li l-appoġġ lill-Ukrajna ma jonqosx, għaliex il-punt tat-tluq għandu jibqa’ dejjem li l-Ukrajna kienet il-vittma ta’ aggressjoni inġusta mir-Russja, wieħed ma jistax jiskarta l-fatt li eluf kbar ta’ persuni tilfu ħajjithom innoċentament.
Spjega li hemm min qed jargumenta illi din hija gwerra illi l-Unjoni Ewropea ma tiflaħx u ma tistax titlifha, iżda spjega wkoll kif f’isem Malta huwa tkellem favur realiżmu u pragmatiżmu. “Il-mument li ma nitħaddtux iktar fuq termini ta’ rebħ u telf wasal. L-unika rebħa li jista’ jkollna hi li l-gwerra tieqaf darba għal dejjem u nemmen li din id-darba hemm il-possibbiltà reali li jekk ikun hemm realiżmu mill-Ukrajna u r-Russja flimkien mal-isforz tal-amministrazzjoni Trump u l-Unjoni Ewropea, inkunu qed nibagħtu messaġġ li verament irridu naslu.” Spjega li dan għandu jsir mingħajr mal-Ukrajna tkun imġiegħla titlef l-ebda parti mis-sovranità tagħha imma li jinstabu s-soluzzjonijiet madwar il-mejda. “Wara kważi tliet snin, jekk ma jkollniex approċċ differenti ser ikollna iktar snin ta’ gwerra li ma jwassluna għal imkien,” temm jgħid fuq dan is-suġġett il-Prim Ministru.
Dwar il-politika tar-ritorn fl-immigrazzjoni irregolari, il-Prim Ministru Robert Abela għamel referenza għal-laqgħa li kellu fil-marġini tal-Kunsill Ewropew ma’ mexxejja oħra inkluż il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Spjega kif il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea għall-2025 għandu jwassal għal politika effettiva dwar l-immigrazzjoni irregolari.
“M’għadniex f’sitwazzjoni li ma jsir xejn fuq din il-kwistjoni kif kien il-każ sa ftit snin ilu, meta konna waħedna bħala pajjiż. Illum nieħu gost li nara għaxar Stati Membri lkoll vuċi waħda. Wieħed mill-ikbar suċċessi li kellna fil-politika tal-immigrazzjoni irregolari bħala Malta kienet fil-politika tar-ritorn, ħdimna ħafna fuqha u rnexxejna. Dak is-suċċess irrid narah rifless ukoll fuq il-livell Ewropew,” qal il-Prim Ministru Malti.