Monday, March 24, 2025

€2,000 multa wara li daħal ipejjep fit-toilet tal-ajruplan

Aqra wkoll

Joel Scharf, Ġermaniż ta’ 20 sena ġie mmultat €2,000 wara li ammetta li waqt li kien fis-sakra daħal ipejjep fit-toilet tal-ajruplan.

ll-każ seħħ is-Sibt li għadda, għall-ħabta tal-11.00 a.m., waqt titjira tar-Ryanair li kellha tasal Malta. 

Il-Ġermaniż tressaq fil-Qorti mixli li kien fis-sakra fuq l-ajruplan, li pejjep u li m’obdiex l-ordnijiet tal-membri tal-ekwipaġġ.

Il-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispettur Roxanne Tabone spjegat quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi kif il-pulizija kienet infurmata b’dan il-każ mal-inżul tal-ajruplan.

Iż-żagħżugħ kien staqsa lill-membri tal-ekwipaġġ jekk setax ipejjep. Meta qalulu le, hu xorta waħda daħal fit-toilet u beda jpejjep tant li beda jinstema’ l-ismoke detector.

Fl-awla l-Ġermaniż wieġeb ħati tal-akkużi filwaqt li qal li żbalja meta wettaq dak li wettaq. Hu qal ukoll li ma kienx se jpejjep u jixrob aktar. 

Il-Maġistrat Azzopardi qal li fl-aħħar każ simili l-persuna li pejpet fuq ajruplan kienet weħlet multa ta’ €8,000 u sentenza ta’ ħabs sospiża. Għamilhielu ċara li ma kienx se jimmultah din is-somma u sentenza ta’ ħabs sospiża minħabba l-età.

Kien għalhekk li mmultah €2,000 li jistgħu jitħallsu f’20 xahar bil-€100 fix-xahar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport