Il-kwistjoni tad-detenzjoni tal-immigranti hi kwistjoni li minn żmien għal żmien tispiċċa fl-aħbarijiet. Daqqa fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u drabi oħra b’rabta ma’ spezzjonijiet li jsiru minn rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet barranin u anke ma rapporti li jinħarġu. Minn żmien għal żmien, ikun hemm persuni li jagħżlu li jfittxu għal kumpens.
Kien proprju fl-aħħar jiem fejn il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tat deċiżjoni fejn żagħżugħ ta’ 19 -il sena mill-Kosta tal-Ivorju ingħata kumpens ta’ €25,0000 minħabba li nżamm għal perjodu fid-detenzjoni.
Hu kien fetaħ il-kawża fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Aditus. L-argument tiegħu kien dwa iż-żamma fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi b’mod partikolari meta inżamm f’kontejner.
Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem appellat ukoll lill-Gvern Malti biex jassigura li individwi vulnerabbli ma jiġux miżmumin f’detenzjoni kif ukoll biex inaqqas il-perjodu ta’ detenzjoni.
Hu ddikjara li kien wasal Malta b’mod irregolari fl-24 ta’ Novembru tas-sena 2021 u wara vjaġġ ta’ 10 ijiem li fih għerqu wkoll numru ta’ immigranti hu spiċċa fid-detenzjoni. Jiddikjara li hu tilef lill-ġenituri meta kien żgħir u anke għadda mir-realtà iebsa li jgħaddu minnha ħafna immigranti dik li spiċċa ittorturat fil-Libja.
Fl-argument tiegħu iż-żgħażugħ jgħid li hu kien ibati minn Post Traumatic Stress Disorder (PTSD) u kellu anke t-tuberkolożi.
Il-Gvern Malti, permezz tal-Avukat tal-Istat, ċaħad dak li qal iż-żagħżugħ u insista li tah il-kura li kellu bżonn waqt li sostna li l-kundizzjonijiet li nżamm fihom kienu tajba.
Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kkonkludiet li meta jitqiesu l-età u l-fatt li kien marid il-kundizzjonijiet li nżamm fihom ma kinux dawk ideali.
Hija qalet li għalkemm ingħata kura fiżika adekwata, dik mentali ma kinitx u żiedet li meta jitqies ukoll li nżamm seba’ xhur f’detenzjoni dan kien ifisser trattament inuman u degradanti.
Il-Qorti Ewropea żammet lil Malta responsabbli għall-ksur fid-drittijiet tal-bniedem fil-perjodu 10 Diċembru tas-sena 2021 u 10 Far tas-sena 2022 u bejn l-10 ta’ Frar tas-sena 2022 u Lulju tas-sena 2022.
Kien għalhekk li ordnat lil Malta tħallas liż-żagħżugħ €25,000 f’kumpens kif ukoll €3,000 fi spejjeż relatati mal-kawża.