Monday, May 13, 2024

€8,000 multa talli ħalla klieb fi stat pjetuż

Aqra wkoll

Sergio Borg ta’ 41 sena mill-Qrendi kien immultat €8,000 wara li ammetta fil-Qorti li ħalla numru ta’ klieb fir-razzett tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ jgħixu bil-ġuħ u fil-ħmieġ tagħhom stess għal diversi ġimgħat u xhur. 

Borg kien mixli li ħalla klieb isofru uġigħ, tbatija u dwejjaq bla bżonn, żammhom marbutin b’katina u naqas milli jieħu ħsiebhom kif xieraq u li sar reċediv fost oħrajn. 

Il-każ imur lura għas-6 ta’ Jannar 2020 u fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel. L-uffiċjali tal-ħarsien tal-annimali kienu bdew jinvestigaw dan il-każ wara li kienu rċevew telefonata anonima. Sussegwentement, il-Pulizija kienu ħadu passi kontra sid ir-razzett.

Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, ir-raġel wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Il-Qorti nnutat li minkejja d-diffikultajiet konjittivi tar-raġel, in-nuqqas ta’ elementi bażiċi għall-kura ta’ annimal bħalma huma l-ikel, l-ilma u l-indafa fejn jgħix, kienu elementi li anke l-iktar persuna ta’ abiltajiet konjittivi baxxi u sempliċi setgħet tagħraf u tapprezza bħala mhux biss li huma bżonjużi iżda fundamentali.

“Dan iktar u iktar meta l-annimali inkwistjoni, kienu jiddependu esklussivament minnu għal tali elementi bażiċi minħabba l-fatt li kienu qed jinżammu marbuta – fatt dan li fih innifsu huwa bi ksur tar-regolamenti relattivi.”

Il-Qorti żiedet tinnota li Borg għaraf u apprezza li dak li kien qed jiġri lill-annimali bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu kien ħażin. Min-naħa l-oħra, qalet li kuntrarjament għal dak li wieħed jippretendi, anke minn persuna ta’ ċertu restrizzjonijiet konjittivi, Borg ma kien għamel xejn biex ineħħi lill-annimali mill-istat pjetuż li kienu fih. 

“Dan huwa komportament li mhuwiex aċċettabbli minn ħadd, lanqas minn persuna bħall-imputat, iktar u iktar meta dik il-persuna tkun għażlet li trabbi annimal,” tenniet il-Qorti. 

Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, il-Qorti kkundannatu għal ħlas ta’ multa ta’ €8,000, li jistgħu jitħallsu permezz ta’ sitt pagamenti konsekuttivi ta’ €1,333.33.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetttur Kylie Borg.

Sport