Friday, May 3, 2024

€9 miljun f’investiment minn Medichem Group f’Malta

Aqra wkoll

Medichem Group, kumpanija tal-farmaċewtika Spanjola li għandha żewġ fabbriki f’Malta, qed tinvesti total ta’ €9 miljun f’espansjoni tal-operat tagħha biex tilħaq swieq ġodda filwaqt li tkompli toffri impjiegi ta’ kwalità.

Waqt żjara fil-fabbrika f’Ħal Far mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Medichem Group Elisabeth Stampa spjegat li l-kumpanija investiet €3 miljun biex tiddiversifika l-operat tagħha. L-investiment fil-kapaċità tal-manifattura se jkompli jiżdied b’€6 miljun oħra.

Medichem Group jimpjega 100 persuna f’Malta, bin-numru mistenni jiżdied b’10% fix-xhur li ġejjin.

L-investiment ta’  €3 miljun sar  f’tagħmir speċjalizzat biex b’hekk tkun tista’ timmanifattura prodotti innovattivi filwaqt li ssaħħaħ it-tagħmir u l-infrastruttura tagħha. Fost il-mediċini li tipproduċi f’Malta hemm dawk kontra l-kanċer u kontra t-trombożi. L-investiment f’apparat ġdid għall-ibbottiljar tal-pilloli ser jgħin ukoll lill-kumpanija biex tidħol fis-suq Amerikan li juża sistemi ta’ distribuzzjoni differenti minn dawk li mdorrijin bihom fl-Ewropa.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li din il-kumpanija ma nvestietx biss fl-infrastruttura, iżda investiet fis-saħħa u fis-sigurtà tal-impjegati.

“Huwa ta’ pjaċir għalija li naraw kumpaniji bħal Medichem Group jespandu l-operat tagħhom. Bħala gvern aħna impenjati li nkomplu nagħtu sapport lill-kumpaniji biex jinvestu fit-taħriġ u l-ħiliet tal-impjegati tagħhom. Nemmnu li kif kumpanija tikber u tespandi, il-ħaddiema għandhom jimxu bl-istess pass,” qalet il-Ministru Dalli.

Medichem Group qed tħares ’il quddiem biex fis-snin li ġejjin tkompli tinvesti f’manifattura b’kapaċità ikbar. B’investiment ta’ €6 miljun oħra, il-kumpanija qed tara li ssaħħaħ il-fabbriki u t-tagħmir.Dan it-tkabbir se jwassal għal żieda fix-xogħol, speċjalment fil-manifattura u fit-testing areas – fejn qed jaraw li jitilgħu sa ħames darbiet tal-ammonti li jipproduċu llum.

Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li minkejja l-pandemija, dan il-gvern baqa’ jinċentiva aktar negozji biex ikomplu jikbru u jiddiversifikaw. Qalet li dan il-gvern huwa impenjat li jkompli jassisti u jagħti sapport lil dawn il-kumpaniji għas-snin li ġejjin, hekk kif baqa’ jagħmel mill-bidu tal-pandemija sa issa.

“Is-suċċessi kollha tagħna huma r-riżultat tax-xogħol qawwi tat-tim ta’ talent li għandna f’Malta. B’sodisfazzjon kbir, nistgħu ngħidu wkoll li mill-bidu nett tal-operat tagħna f’Malta sal-lum, kellna l-appoġġ u l-gwida sħiħa tal-Gvern Malti u tal-Malta Enterprise. Kemm għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja kif ukoll għall-proġetti tagħna ta’ tkabbir. Għandna biss kliem ta’ gratitudni,” qalet Elisabeth Stampa.

Kurt Farrugia qal li, “Il-Malta Enterprise hija kburija li tappoġġa lill-Grupp Medichem fit-tkabbir li jmiss hekk kif qed jidħlu fi swieq ġodda. Aħna konxji mill-fatt li l-progress kontinwu fl-R&D jeħtieġ appoġġ robust mill-gvern. L-industrija farmaċewtika lokali bħalissa hija karatterizzata minn fażi ta’ bidla u opportunità. Hija karatterizzata b’ambizzjoni u bi pjanijiet kbar bħal dawk li nsibu f’Medichem Group li jagħmluna kunfidenti mill-futur tal-industrija farmaċewtika f’Malta.”

Sport