“Ebda persuna m’għandha jkollha inqas drittijiet, inqas opportunitajiet jew inqas dinjità minħabba d-diżabilità tagħha. Din mhijiex biss emenda fil-liġi. Hija dikjarazzjoni ta’ min irridu nkunu bħala pajjiż, pajjiż li ma jħalli lil ħadd lura u li, fil-Kostituzzjoni tiegħu, fil-liġijiet tiegħu u fil-ħajja ta’ kuljum, jgħid b’mod ċar li d-drittijiet fundamentali huma ta’ kulħadd, b’mod ekwu għax mhux kulħadd għandu l-istess punt tat-tluq u għixien fis-soċjeta’ tagħna”
Iddikjarat dan il-Membru Parlamentari Laburista Mariah Meli f’diskors li għamlet fil-Parlament, fejn spjegat li tul il-vjaġġ li wassalha biex illum tkun f’din il-Kamra, iltqgħe ma’ ġuvni tampara b’diżabilità viżiva.
Meli spjegat li l-isess ġuvni huwa bravu ħafna u li għandu ħila kbira fil-qasam tat-teknoloġija u b’ħafna x’joffri lis-soċjetà. Qalet ukoll li minħabba xogħlijiet infrastrutturali li kienu għaddejjin fl-inħawi fejn jgħix, spiċċa prattikament maqful f’daru. Minħabba li l-arranġamenti biex l-aċċessibbilta’ tkun presendi, ma laħqitx din id-diżabbilta’.
Spjegat kif; “Fl-istess waqt, iltqajt mar-realtà ta’ omm li kienet tibża’ li jekk binha joħroġ waħdu, jispiċċa jweġġa’. Dik il-biża’ ma kinitx ġejja mid-diżabilità ta’ binha, iżda minn ambjent li, matul proċess maħsub biex iġib il-progress, ma kienx ikkunsidra l-bżonnijiet tiegħu, u ta’ individwi bħalu”.
Meli żiedet tgħid; “F’dak il-mument ħassejt li l-Istat kien falla lil dan il-ġuvni u lill-familja tiegħu. Mhux għax il-progress m’għandux isir, iżda għax progress li jċaħħad persuna mill-indipendenza tagħha ma jistax jitqies bħala progress għal kulħadd. Jekk proġett pubbliku jtejjeb żona iżda, anke temporanjament, jagħlaq persuna f’darha mingħajr alternattiva sigura u aċċessibbli, inkunu solvejna problema għal xi wħud filwaqt li ħloqna waħda serja għal ħaddieħor”.
Fid-diskors tagħha, irrimarkat li llum ma rridux inħarsu lejn l-emendi proposti sempliċement bħala tibdil f’artikoli tal-liġi, imma li wieħed irid iħares lejhom minn lenti ta’ politika u benesseri soċjali: jekk is-soċjetà tagħna hijiex kapaċi tiżgura li kull deċiżjoni, kull servizz u kull proġett ta’ progress jagħti lil kull persuna opportunità reali li tipparteċipa bis-sħiħ.
Fissret kif il-politika soċjali għandha tibda minn prinċipju fundamentali, dak li ħadd ma għandu jitħalla lura minħabba ċirkostanza li mhijiex għażla tiegħu. Qalet li l-benesseri soċjali ma jfissirx biss benefiċċji jew servizzi mogħtija meta persuna tkun diġà sabet ruħha f’diffikultà. Ifisser sistema li tipprevjeni l-esklużjoni, tnaqqas l-inugwaljanzi u tagħti lill-persuna l-mezzi biex tilħaq il-potenzjal tagħha.
Meli tenniet tgħid li dan l-abbozz huwa importanti għaliex isaħħaħ dan il-prinċipju. Dan għaliex hija temmen li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u kontra d-diskriminazzjoni minħabba d-diżabilità se tkun riflessa b’mod espliċitu fil-qafas kostituzzjonali tagħna.
