Bla dubju, it-turiżmu sar l-aktar settur ekonomiku importanti tal-pajjiż. Nisimgħu dwaru minn għadd wiesa’ ta’ perspettivi: ta’ kemm deħlin turisti; ta’ kemm qed idumu ġranet fostna; ta’ kemm qed iħallu flus ras imb’ras warajhom; ta’ fejn joqgħodu: lukandi – appartamenti – liem’parti ta’ Malta u Għawdex; ta’ dak li jiġu għalih – xemx u baħar – storja – divertiment – għadis…; ta’ meta jiġu matul is-sena; tal-lukandi li jeżistu biex jilqgħuhom u dawk ġodda li qed jinbnew; tal-appartamenti fejn jalloġġjaw u jekk għandniex wisq minnhom, jekk humiex iżommu mal-istendards mixtieqa; ta’ kif qed intejbu l-kwalità tat-turisti li jiġu fostna; ta’ kemm hu l-limitu ta’ turisti li l-pajjiż jiflaħ…
Is-suġġett hu kumplikat u importanti. Il-fehmiet u l-analiżijiet li nisimgħu joħoloqu kuntrasti, ta’ spiss kuntradizzjonijiet. Il-linja bejn dak li għandu jsir u dak li filfatt qiegħed isir ta’ spiss tispiċċa xejn ċara. Kollox ma’ kollox, in-narrativi “uffiċjali” dwar turiżmu mis-settur publiku u dak privat iħalluk konfuż.
SĦANA
It-temp li ġarrabna fl-aħħar jiem ifakkar f’linja minn kanzunetta li darba kienet famuża ta’ Noel Coward: Joħorġu barra, fix-xemx ta’ nofsinhar, klieb miġnuna u Ingliżi. Attwalment, kważi t-toroq kollha kienu jkunu baħħ għal nofsinhar. U bir-raġun. Tant kienet qawwija x-xemx li faċli toħloq problemi ta’ saħħa.
Fil-pajjiżi tal-Ewropa kontinentali – Franza, il-Belġju, l-Ġermanja – fejn l-eċċessi ta’ sħana bdew qabel tagħna, dawn wasslu għal żieda fl-imwiet, ta’ nies li għerqu huma u jiffriskaw fi xmajjar u fil-baħar, u ta’ oħrajn aktar numerużi li fiżikament ma felħux għas-sħana jew ma kellhomx biex jilqgħu għaliha. Bħalissa l-aktar messaġġi qawwija u utli tal-gvern huma t-twissijiet effettivi li l-awtoritajiet Maltin qed joħorġu dwar x’għandhom jagħmlu ċ-ċittadini biex iħarsu lilhom infushom mill-perikli tas-sħana.
RIKLAMI TAL-IMĦATRI
Personalment nara r-riklami li jinħarġu biex jippronwovu l-“konsum” tal-imħatri – f’każinos u minn fuq l-internet – bħala ipokriti, biex ma ngħidx ċiniċi. Rajna ħafna minnhom waqt li kienu għaddejja l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja. Matul il-kompetizzjoni, milli jidher, ma’ kullimkien, żdied bil-qawwi l-logħob tal-ażżard. Tqum il-mistoqsija: Dawk li tħajru jagħmlu hekk għall-ewwel darba, issa se jkunu interessati li jkomplu għal li ġej? Ħaġa ċara, dawk li ħarġu r-riklami jixtiquhom jerġgħu “jipprovaw”…
Ir-riklami nfushom tfasslu biex jinħassu oġġettivi u magħmula bi bruda “xjentifika” – ma kellhomx l-istess sens ta’ entużjażmu bħar-riklami tal-pizza. Il-bruda serviet biex iċċajpar ir-riskju li l-“logħba” li qed jinbiegħ tista’ tispiċċa l-bidu ta’ vizzju diffiċli biex toħroġ minnu. L-aqwa daqqa ċinika imma tiġi fl-aħħar tar-riklam bir-rakkomandazzjoni, ukoll bierda, biex “tilgħab b’mod responsabbli”!




