Sunday, December 22, 2024

“Eċċellajna fil-passat u m’għandniex għalfejn nibżgħu li ma neċċellawx fil-futur”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt id-diskors tiegħu b’rabta mad-diskussjoni dwar il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, id-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco qal li t-titlu tal-budget ta’ din is-sena “Malta li rridu għal uliedna” huwa mimli ironija għax jidher li Malta li għandna llum mhijiex dik li jridu wliedna. Huwa żied jikkwota stħarriġ li jindika li 70 fil-mija taż-żgħażagħ Maltin jaraw futur lil hinn minn xtutna. 

De Marco qal li dan il-gvern qiegħed iġib skuża bil-pandemija meta pajjiżna għandu mażra li qiegħda żżommu lura. Huwa kien qiegħed jirreferi għal-lista l-griża u qal li din tista’ twassal biex pajjiżi oħra jkomplu jaqdfu qabilna. Għal darba oħra l-Oppożizzjoni għamlet talba biex l-gvern jressaq il-pjan tal-ħidma tiegħu biex pajjiżna jitneħħa minn fuq din il-lista.

Rigward id-dejn pubbliku, De Marco qal li dan il-gvern qiegħed iżid liċ-ċittadini 25 ċenteżmu kuljum filwaqt li qiegħed ikabbar id-dejn ta’ pajjiżna b’€4 miljun kuljum. Hawnhekk De Marco qal li Partit Nazzjonalista fil-gvern lest li jkun differenti u joffri soluzzjoni biex pajjiżna jwettaq trasformazzjoni diġitali u sostenibbli.

De Marco qal li l-bidla ħafna drabi hija inevitabbli, iżda f’xi drabi l-bidla hija neċessarja u bħala nazzjon għaddejjin minn pejodu li l-bidla hija neċessarja. Tkellem dwar il-proposti mressqin mill-Partit Nazzjonalista li permezz tagħhom pajjiżna jista’ jagħmel suċċess u Malta tista’ tkun aħjar. “Eċċellajna fil-passat u ma għandniex għalfejn nibżgħu li ma neċċellawx fil-futur”, temm jgħid De Marco.

Ekonomija

Sport