Tuesday, November 26, 2024

Eluf ta’ tfal ingħaqdu flimkien għal Jum Nazzjonali tal-Isport

Aqra wkoll

Fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex kien organizzat Jum Nazzjonali tal-Isport li matulu eluf ta’ studenti ngħaqdu flimkien f’attivitajiet diversi bil-parteċipazzjoni tal-edukaturi. Dan il-jum kien organizzat minn SportMalta l-Ġimgħa 13 ta’ Ottubru. Din hija inizjattiva innovattiva li permezz tagħha l-iskejjel ingħataw l-opportunità li jkunu parti mill-Jum Nazzjonali tal-Isport ta’ SportMalta.

Apparti jum ta’ attività sportiva, din il-ġurnata serviet ukoll biex issir promozzjoni tal-importanza tal-involviment f’attività fiżika fl-iskola lejn stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu. “Permezz ta’ SportMalta qed nieħdu diversi inizjattivi biex naraw li nħeġġu t-tfal tagħna minn età żgħira ħalli jipparteċipaw fl-isport u l-attività fiżika matul is-sena kollha”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima. Huwa kien qed jitkellem fl-iskola tal-Primarja ta’ San Ġwann fejn żar l-attivitajiet sportivi li kienu għaddejjin. “Irridu li s-soċjetà tkun konxja tal-importanza tal-attività fiżika u li tipparteċipa b’mod aktar attiv f’attivitajiet sportivi u fiżiċi”, qal il-Ministru Grima.

SportMalta għandha diversi inizjattivi marbuta mal-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika, fosthom il-kampanja #BeActive u l-ġimgħa Ewropea tal-Isport li ttellgħet aktar kmieni dan ix-xahar. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qiegħed jinvesti fl-ispazji miftuħa tal-iskejjel bi proġett kontinwu ta’ rijabilitazzjoni ta’ grounds sportivi, bil-għan li tittejjeb l-infrastruttura sportiva fl-iskejjel tal-istat kemm għal skopijiet ta’ rikreazzjoni kif ukoll biex jitjieb il-livell tal-edukazzjoni sportiva.

Sar xogħol ta’ turf artifiċjali ġdid fl-iskola Sekondarja tal-Imrieħel u fl-iskola Primarja ta’ Ħal Kirkop b’investiment li qiegħed isir ukoll fl-isfond tal-politika nazzjonali biex tkun indirizzata l-obeżità fost it-tfal u wkoll biex titrawwem kultura sportiva fost it-tfal. Matul dawn is-sentejn twettqu diversi proġetti ta’ faċilitajiet sportivi f’diversi skejjel b’investiment ta’ madwar miljun ewro. Żewġ proġetti maġġuri oħrajn mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) relatati mal-isport huma l-kumpless sportiv fl-iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija li kien inawgurat fl-aħħar jiem. Dan l-investiment laħħaq l-€4.6 miljun, u l-bini ta’ grawnd ġdid tal-futbol fil-kumpless edukattiv tan-Naxxar sar b’investiment ta’ madwar €14.3 miljun.

Sport