Wednesday, December 18, 2024

Eluf ta’ tfal jingħaqdu flimkien għall-Jum Nazzjonali tal-Isports

Aqra wkoll

Fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex illum kien organizzat il-Jum Nazzjonali tal-Isport li matulu eluf ta’ studenti ngħaqdu flimkien f’attivitajiet diversi bil-parteċipazzjoni tal-edukaturi. Din l-inizjattiva kienet organizzata minn SportMalta.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ madwar 95 skola kemm f’Malta u f’Għawdex, billi kienu organizzati attivitajiet sportivi fl-istess jum.

Apparti jum ta’ attività sportiva, din il-ġurnata serviet ukoll biex issir promozzjoni tal-importanza tal-involviment f’attività fiżika fl-iskola lejn stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu.

“Permezz ta’ SportMalta qed nieħdu diversi inizjattivi biex naraw li nħeġġu lit-tfal tagħna minn età żgħira ħalli jipparteċipaw fl-isport u fl-attività fiżika matul is-sena kollha”, qal il-Ministru Clifton Grima. Huwa kien qed jitkellem fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann fejn żar l-attivitajiet sportivi li kienu għaddejjin. “Irridu li s-soċjetà tkun konxja tal-importanza tal-attività fiżika u li tipparteċipa b’mod aktar attiv f’attivitajiet sportivi u fiżiċi”, qal il-Ministru Grima.

SportMalta għandha diversi inizjattivi marbuta mal-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika, fosthom il-kampanja #BeActive u l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport li ttellgħet ix-xahar li għadda.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qiegħed ikompli jinvesti fl-ispazji miftuħa tal-iskejjel bi proġett kontinwu ta’ riabilitazzjoni ta’ grawnds sportivi, bil-għan li tittejjeb l-infrastruttura sportiva fl-iskejjel tal-Istat kemm għal skopijiet ta’ rikreazzjoni kif ukoll biex jitjieb il-livell tal-edukazzjoni sportiva.

Dan ix-xogħol qed isir b’mod kontinwu u fl-isfond tal-politika nazzjonali biex tkun indirizzata l-obeżità fost it-tfal u biex titrawwem kultura sportiva fit-tfal.

Apparti dan, fl-iskejjel il-ġodda li qed jinbnew u dawk li qed ikunu modernizzati, qed tingħata importanza lejn l-ambjent ta’ barra, biex dan ikun adegwat għall-attività fiżika, komponent importanti mill-kurrikulu fl-iskejjel.

Ekonomija

Sport