Saturday, May 4, 2024

Ema Vella tniedi l-ewwel kanzunetta tagħha bil-Malti, li ġġib l-isem ta’ Emmint Fik!

Aqra wkoll


Il-vjaġġ mużikali ta’ Ema beda ta’ tnax-il sena, meta fuq inizjattiva tagħha stess, ibbukkjat l-ewwel lezzjoni tal-kant tagħha. Minn dakinhar ’il quddiem, qatt ma ħarset lura. Hija kellha l-opportunità li tikkompeti b’suċċess f’bosta kompetizzjonijiet tal-kant lokali u barranin. Din se tkun it-tieni single ta’ Ema wara li ħadet sehem fit-tieni staġun ta’ X Factor Malta fejn kienet parti mill-grupp ta’ tfajliet bl-isem ta’ F.A.I.T.H, li spiċċaw fit-tielet pożizzjoni fit-tieni staġun ta’ dan il-programm popolari.

Single bil-Malti kienet tabilħaqq il-pass li jmiss ta’ Ema fil-karriera tagħha, pass li fih żgur li se tkompli tissolidifika r-repertorju tagħha u tibni lilha nnifisha bħala artista solista. Matul il-vjaġġ tagħha Ema dejjem kienet taħt il-gwida ta’ professjonisti mużikali lokali, li għenuha tikber fi ħdan din l-industrija. S’issa kien vjaġġ pożittiv, u EMA ħerqana li tkompli ssegwi l-ħolm tagħha.

Ema infatti kienet il-moħħ, il-qalb u r-ruħ wara l-ewwel kanzunetta tagħha bil-Malti. Infatti hi għamlet kuntatt ma’ Emil Calleja Bayliss, li għenha ssawwar il-kliem tal-kanzunetta fejn iddeskrivietlu eżatt x’riedet tesprimi u bil-mod il-mod Emmint Fik bdiet tieħu l-ħajja. Il-kanzunetta titkellem dwar li taċċetta l-imħabba ta’ xi ħadd għażiż filwaqt li taċċetta wkoll li tħobb lilek innifsek kif int. L-imħabba li titkellem dwarha fil-kanzunetta tagħha tmur f’livell aktar profond u li żgur juri l-maturità tal-artista.

Ema riedet tkun involuta fl-oqsma kollha tas-single bil-Malti tagħha u anke daħlet fil-kompożizzjoni u l-produzzjoni ta’ Emmint Fik. Din id-darba, kellha l-għajnuna tal-produttur lokali Aldo Spiteri, li ħadem fuq il-kanzunetta ma’ wliedu Bradley u Liam Spiteri. L-għarfien tagħhom għen biex il-ħoss jibqa’ wieħed modern anke jekk il-kanzunetta għandha stil konvenzjonali.

Il-vuċi bellusija tagħha tagħti lill-kanzunetta seħer mill-isbaħ fl-interpretazzjoni. Dan jgħin sabiex il-messaġġ jasal bl-aktar mod effettiv. Din hija l-ewwel darba li Ema qed tagħmel xi ħaġa għal kollox bil-Malti, għalkemm dejjem użat il-lingwa Maltija, dejjem interpretat kanzunetti bl-Ingliż iżda issa kien wasal iż-żmien li tieħu din l-isfida u tagħmel il-pass li jmiss fil-karriera tagħha.

Emmint Fik se tkun disponibbli fuq il-pjattaformi kollha tal-istreaming mill-1 ta’ Marzu. Barra minn hekk, il-kanzunetta se tgħaddi wkoll għand l-istazzjonijiet tar-radju lokali, fejn Ema se tkun qed tittama li tindaqq id-diska, u għalhekk is-semmiegħa lokali jkollhom iċ-ċans li jisimgħu l-kanzunetta li ilha taħdem ħafna fuqha.

Sport