Thursday, December 26, 2024

EMERĠENZI

Aqra wkoll

Meta jinqalgħu problemi mhux mistennija, hi ħaġa naturali li jiġu mogħtija attenzjoni speċjali u jittieħdu miżuri ta’ emerġenza biex jilqgħu għalihom. Dan għandu jsir u meta jkun sar ma jistax jitqies bħala biżżejjed.

Il-fatturi li wasslu għall-emerġenza jridu jiġu mifhuma. Ma tistax tittieħed bħala ħaġa ovvja u naturali li x’aktarx mhumiex se jerġgħu jiġru. Jekk jirrepetu ruħhom ma jistgħux jitqiesu aktar bħala emerġenzi imma bħala żviluppi li rridu nilqgħu għalihom. L-aktar eżempji ċari ta’ dan fl-aħħar snin kienu l-pandemija u l-kriżijiet fil-provista tal-elettriku u l-enerġija fix-xhur qliel tas-sajf.

Biss hemm “emerġenzi” oħrajn li rridu nżommu għajnejna fuqhom – bħall-mod kif qed tinbidel l-istruttura tal-età tal-poplu “Malti” (jiġifieri imwieled Malta) u l-mod kif qed jiżdiedu l-abitanti mhux “Maltin” fil-pajjiż. Wieħed jista’ jsemmi wkoll il-problemi tat-traffiku, ir-regolamentazzjoni tal-bini… Meta tinqala’ xi kriżi f’dawn l-oqsma, ma narax kif tista’ tibqa’ titqies bħala “emerġenza”.

POLITIKA U FOOTBALL

Ta’ spiss il-politika u l-football jitpoġġew fl-istess qies. Fit-tnejn jiżviluppaw f’sensiela ta’ kompetizzjonijiet li jispiċċaw bir-rebħa ta’ naħa u t-telfa ta’ oħra. Min jirbaħ jirbaħ “kollox” u min jitlef jitlef “kollox”.

Biss il-paragun hu kemxejn imfattar. Fil-football ir-rebħa hi tassew “kollox”.

Warajha, se jiġu biss aktar kompetizzjonijiet. Mentri fil-politika, wara r-rebħa jiġi żmien fejn min rebaħ irid imexxi pajjiż. Jeħtieġ juri ħila mhux biss fir-rebħ imma fit-tmexxija.

Bl-istess mod laqtitni d-differenza li semmewli dan l-aħħar meta qabbilt il-ħidma tal-intermedjarji fl-insurance ma’ dik tal-aġenziji tal-vjaġġi. Minħabba l-internet u l-linji tal-ajru low cost, dawn tal-aħħar qalgħu daqqa kbira. Iċ-ċittadini qed jorganizzaw direttament il-vjaġġi tagħhom. Le qaluli; is-servizz li jagħti l-intermedjarju fl-insurance hu aktar komplikat u jtul aktar fiż-żmien mis-servizz li bih vaganza tiġi provduta lill-konsumatur.

Partit li jirbaħ irid imexxi. Intermedjarju tal-insurance wara li jimbolla l-kuntratt, irid jibqa’ jissorveljah.

L-GĦADA

Nistħajjel li m’hemm xejn li l-aktar jgħajjik meta tkun ħdimt biex torganiżża festa “tar-raħal” milli jkollok tħejji u tagħmel għall-għada tal-festa. Mhux l-anqas meta l-biċċa tkun irnexxiet bil-kbir.

Waqt li ħaddieħor jista’ jirritorna għall-ħajja ta’ kuljum jew jibqa’ ġewwa sakemm jgħaddu l-effetti ta’ x’kien inxtorob u ttiekel, int ikollok tiżgura li t-tindif u l-iżgombramenti fit-toroq se jkunu qed isiru jew saru u li l-armar se jibda jiżżarma.

Veru li dawn l-attivitajiet tista’ tipposponihom għal xi sigħat… forsi anke jiem… imma l-fatt li jridu jitwettqu jibqa’ piż. U din hi ħidma li ma tantx taqla’ rikonoxximent. Għalhekk dejjem ammirajt lill-organizzaturi tal-festi għall-entużjażmu li jsostnu minn sena għal sena.

Ekonomija

Sport