Sunday, December 22, 2024

ENFASI FUQ IL-BIDLA MEĦTIEĠA

Aqra wkoll

F’kull azjenda, kumpanija jew post tax-xogħol f’xi żmien jew ieħor jinbtu esiġenzi li jkunu jinħtieġu bidla mill-qiegħ fil-mod ta’ kif joperaw. Dan minħabba realtajiet li ma jibqgħux iktar adattati għaċ-ċirkustanzi tal-mument, b’mod partikolari minħabba l-avvanzi li jsiru u l-iżviluppi li jseħħu, fosthom dawk teknoloġiċi.

Għalhekk il-ħtieġa li jitwettqu dawn il-bidliet biex ikunu jistgħu jkomplu jtejbu fuq dak li jkunu kisbu u jagħmluh aktar attraenti għaż-żminijiet tal-lum.

Imma lil hinn minn dan, din il-bidla, aktar minn qatt qabel, qiegħda tissemma wkoll anke fil-livell politiku. Din il-bidla li hija kruċjali biex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies. Bħala politiċi jkunu jistgħu wkoll jifhmu r-realtajiet diversi li qed jiżviluppaw minn ħin għall-ieħor u fl-istess waqt ikunu jistgħu jilqgħu għall-isfidi li jsibu ma wiċċhom u jibdluhom f’opportunitajiet.

Fid-diskors tiegħu nhar il-Ħadd li għadda, l-ewwel wieħed wara elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, il-Prim Ministru Robert Abela għamel aċċenn qawwi dwar il-kuraġġ, ir-rieda u l-entużjażmu li hemm bżonn biex jiġu indirizzati dawn ir-realtajiet. Ma’ dan huwa essenzjali li wieħed jifhem li l-prijoritajiet ta’ 10 snin ilu mhumiex il-prijoritajiet tal-lum. F’dan l-isfond huwa tajjeb ukoll li nistaqsu kif id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu llum se jkunu qegħdin jaffettwaw lis-soċjetà nġenerali fis-snin li ġejjin.

Għalhekk huwa tajjeb li l-Partit Laburista qiegħed jimbarka fuq dan l-eżerċizzju fejn qiegħed jiffoka l-aktar fuq dawk it-temi li jolqtu l-aktar lin-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Temi importanti li jinkludu l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa u l-ħidma favur kwalità ta’ ħajja aħjar taċ-ċittadini.

Iż-żmien li ġej għalhekk huwa kruċjali għall-Partit Laburista. Issa huwa l-mument li jibgħat sinjali ċari illi dak il-messaġġ li bagħat il-poplu fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li għadda, qiegħed jisimgħu, jixtarru u se jaġixxi dwaru. Fil-fehma tagħna, l-ewwel sinjali diġà bdew jintwerew madanakollu hemm bżonn li l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, jittieħdu llum qabel għada.

Il-poplu wera li għadu jrid Gvern Laburista fit-tmexxija tal-pajjiż, għalhekk il-ħidma qrib in-nies u fost in-nies trid tibqa’ għaddejja u l-partit irid ikompli jkun miftuħ għal ideat ġodda, anke jisma’ minn nies li mhux neċessarjament jaqblu magħhom f’kollox imma li għandhom ideat tajbin għall-ġid ta’ pajjiżna. Aħna konvinti li l-poplu ma nesiex il-bidliet pożittivi u r-riformi li saru f’dawn l-aħħar snin, madankollu l-poplu jrid partit illi jkun verżjoni aħjar tiegħu nnifsu.

Min-naħa l-oħra, huwa tajjeb ukoll li l-Partit Nazzjonalista jagħmel analiżi aħjar ta’ fejn jista’ jtejjeb u x’jista’ jagħmel biex jerġa jibda jitwemmen min-nies. Aktar u aktar għandu jirrealizza li minkejja li rebaħ xi kunsill lokali, xorta waħda baqa’ ma attirax nies ġodda lejh.

Il-politika wara kollox m’għadhiex dik tal-aħmar u l-blu, imma t-temi kurrenti qegħdin ikunu fiċ-ċentru tad-diskussjoni. Għalhekk nemmnu li ż-żmien li ġej se jkun kruċjali għal pajjiżna. It-tiġdid irid jibqa’ jsir biex il-partiti jkunu f’pożizzjoni aħjar li jwettqu dak li jwiegħdu.

Ekonomija

Sport