Sunday, December 22, 2024

Erba’ atleti Maltin jtellqu mal-aqwa atleti Ewropej fil-Kampjonati Ewropej tal-Cross-Country

Aqra wkoll

Tnejn mill-aqwa atleti Maltin – Dillon Cassar u Lisa Bezzina, flimkien ma’ tnejn mill-aktar żgħażagħ promettenti, David Borg u Gabriel Farrugia ħadu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kampjonati Ewropej SPAR tal-Cross-Country, li saru f’Findal, Dublin, fuq il-Kampus ta’ Sport Ireland.

Din kienet esperjenza eċitanti u prezzjuża għall-atleti Maltin, li tellqu ma’ uħud mill-aktar atleti rinomati fil-kontinent, fosthom Jakob Ingebrigsten, li rebaħ it-tellieqa tal-irġiel, wara li aktar kmieni dan is-sajf rebaħ Deheb Olimpiku fl-1,500 metru. Anke fost in-nisa, il-kompetizzjoni ntrebħet minn atleta Norveġiża, Karoline Bjerkeli Grovdal, fost parteċipanti Olimpiċi oħra.

Dillon Cassar u Lisa Bezzina, friski mir-rebħ tat-titlu nazzjonali tal-cross-country, kellhom prestazzjoni rispettabli fuq it-terren diffiċli ta’ 10km fil-kapitali Irlandiża.

David Borg u Gabriel Farrugia kkompetew ma’ 97 atleta fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena.

Fid-debutt tiegħu fit-Tim Nazzjonali, Farrugia temm id-distanza ta’ 6k f’20 minuta u 30 sekonda, u għadda l-Borg proprju fl-aħħar metri wara, b’dan tal-aħħar jidħol biss sekonda wara. Din kienet esperjenza importanti għal dawn l-atleti żgħażagħ f’tellieqa mill-aktar teknika, u r-riżultat tagħhom huwa ta’ awgurju tajjeb għall-futur. Id-Daniż Axel Vang Christensen rebaħ din it-tellieqa.

Matul dan l-istaġun, Athletics Malta fittxet li tipprovdi impetus ġdid għall-avvenimenti tal-cross-country minkejja l-isfida ta’ nuqqas ta’ postijiet adegwati fejn jistgħu jsiru dawn l-avvenimenti. Għalhekk, il-parteċipazzjoni ta’ atleti Maltin barra minn Malta hija fundamentali għall-iżvilupp tagħhom.

Il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech esprima sodisfazzjon għall-prestazzjoni tal-atleti Maltin minkejja kundizzjonijiet diffiċli ħafna: “ix-xita kostanti qabel dan l-avveniment ħoloq ammont kbir ta’ tajn u għalhekk it-terren kien wieħed li l-atleti Maltin mhumiex imdorrija jiġru fuqu. Dan kienet esperjenza importanti għat-tim Malti li Athletics Malta se tkompli tibni fuqu fix-xhur li ġejjin.”

Il-parteċipazzjoni tal-atleti Maltin fl-Irlanda kienet possibbli grazzi għall-appoġġ ta’ Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti bħala parti mit-tħejjija għal-GSSE 2023.

Ekonomija

Sport