Wednesday, March 27, 2024

Erba’ pajjiżi Sud Amerikani jridu t-Tazza tad-Dinja 2030

Aqra wkoll

L-Arġentina, iċ-Ċilì, l-Urugwaj u l-Paragwaj ressqu offerta konġunta biex jospitaw it-Tazza tad-Dinja tal-2030.

L-Urugwaj ospitaw l-ewwel tournament tal-kompetizzjoni fl-1930 u jgħidu li jridu jġibu t-Tazza tad-Dinja “id-dar” meta jiċċelebraw il-100 sena tagħha.

“Din hija l-ħolma ta’ kontinent,” qal Alejandro Dominguez, president tal-Konfede­razzjoni tal-Football tal-Amerika t’Isfel (CON­MEBOL).

Spanja u l-Portugall ħabbru wkoll offerta biex ikunu ospiti konġunti.

L-Urugwaj għelbu lill-Arġentina fil-finali biex rebħu t-Tazza tad-Dinja inawgurali fl-1930 u Dominguez kien qed jitkellem fix-xena ta’ dik ir-rebħa – iċ-Centenario Stadium ta’ Montevideo.

“Se jkun hemm aktar Tazzi tad-Dinja, iżda t-tazza tagħlaq 100 sena darba biss, u trid tiġi d-dar,” żied Dominguez.

Iċ-Ċilì ospitaw it-Tazza tad-Dinja fl-1962, filwaqt li t-tournament kien sar fl-Arġentina fl-1978.

“Huwa tajjeb li t-Tazza tad-Dinja tiġi ospitata fejn beda kollox, 100 sena wara,” qal Ignacio Alonso, president tal-Assoċjazzjoni tal-Football Urugwajana.

It-Tazza tad-Dinja tal-2022 se ssir fil-Qatar filwaqt li l-Kanada, il-Messiku u l-Istati Uniti se jkunu ospiti konġunti fl-2026. Il-FIFA qed tippjana li tagħżel l-ospiti tal-2030 fl-2024.

Fi Frar l-FA Ingliża u l-Irlanda qablu li ma jagħmlux offerta għat-Tazza tad-Dinja tal-2030 u minflok jiffukaw fuq tentattiv konġunt biex jospitaw il-Euro 2028.

Ekonomija

Sport