Tuesday, April 30, 2024

Erba’ snin ħabs wara li ta n-nar f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Tas-Sliema

“L-għemil tiegħu nissel terrur f’bosta” - il-Qorti

Aqra wkoll

Żagħżugħ Rumen ta’ 24 sena ntbagħat erba’ snin ħabs wara li ammetta li ta n-nar f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Tas-Sliema. Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn il-5 u s-6 ta’ Novembru tas-sena li għadda fi Triq Howard.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Ion Busuioc wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu fosthom li ta n-nar lil bini u għamel ħsara f’BMW, KTM, Land Rover u Honda HRV.

Fil-Qorti ħareġ li r-residenti li joqogħdu fil-blokka ta’ appartamenti fuq il-garaxxijiet fejn seħħ il-każ kellhom jiġu evakwati minħabba n-nirien u li b’xorti tajba ħadd ma weġġa’.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, għalkemm ikkunsidrat l-ammissjoni bikrija tal-imputat, qalet li dan ftit li xejn jimmilita favur tiegħu li kiesaħ u biered ħass li għandu jipperikola l-ħajjiet ta’ għexieren ta’ persuni li kienu jgħixu fil-blokka.

“Ma jistax jintesa kif dan ma kienx att iżolat u waħdieni iżda Busuioc minn fuq vetura mexxa għall-oħrajn, iqabbad nar wara l-ieħor fl-imsemmija garaxxijiet biex b’hekk, baqa’ jżid il-periklu u dan f’ħinijiet meta persuni jkunu reqdin u għaldaqstant konxju tal-konsegwenzi fatali li seta’ jwassal għalihom.”

Il-Qorti ma injoratx ukoll il-fatt kif każijiet ta’ ħruq qed isiru aktar u aktar frekwenti. L-għemil tal-imputat kien wieħed li nissel terrur f’bosta. “Għemil imwettaq minn persuna li sakemm tiġi rijabilitata tassew ma jkunx jixraq li tiċċirkola fis-soċjetà.”

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, ikkundannatu erba’ snin priġunerija. Il-Qorti ordnat ukoll li l-ħati jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal żmien tliet snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras u Eman Hayman megħjuna mill-Avukati Nathaniel Falzon u Andreas Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Sport