Tuesday, April 30, 2024

Esplorata l-possibbiltà ta’ tracking għar-residenti f’San Vinċenz

Aqra wkoll

Qiegħda tkun evalwata l-possibiltà ta’ tagging/tracking għar-residenti f’San Vinċenz de Paul. Ħabbar dan il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta interna u indipendenti b’rabta mal-għajbien ta’ Carmelo Fino ta’ 83 sena mill-Faċilità, fejn ġie stabbilit li kien hemm ħaddiema li ma mxewx mal-proċeduri.

L-inkjesta li tmexxiet mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia sabet fost oħrajn li x-xift ta’ billejl ma wettaqx dmiru b’diliġenza meta ma mmoniterjax/issorveljawx lil dawk kollha li kienu fis-swali tagħhom billi jaċċertaw li huma kienu sikuri u ma kinux f’postijiet oħra. Dan filwaqt li naqsu milli jirrappurtaw kif xieraq l-għajbien tas-Sur Fino. 

L-uffiċjali tas-sigurtà assenjati bejn il-lejl tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2022 kienu wkoll responsabbli għall-għajbien tas-Sur Fino meta ħallew il-grada miftuħa u waħedha meta kellha tkun magħluqa u mgħassa. 

Mill-inkjesta irriżulta li s-Sur Fino ġie ddikjarat uffiċjalment nieqes fit-8.00 a.m. tat-28 ta’ Ġunju meta l-istaff tax-xift tal-ġurnata marru biex jaħsluh iżda ma setgħux isibuh. Huma nfurmaw minnufih lill-maniġment li mbagħad kkuntattja lill-ħaddiema tan-night shift li qalu li kienu rawh fis-sala fis-5.45 a.m.

Meta raw filmati tas-CCTV wara dan il-ħin, ma kien hemm l-ebda evidenza li huwa kien ħareġ mill-faċilità. Sadanittant, pazjent li jaqsam l-istess sala mas-Sur Fino, qal lill-awtoritajiet li fit-3.00 a.m., dan tal-aħħar ma kienx fis-sala. 

Ibbażat fuq din l-informazzjoni, għall-ħabta tas-6.00 p.m., filmati tas-CCTV mill-ġurnata ta’ qabel, li jibda mill-11.00 p.m. ‘il quddiem, kienu eżaminati u s-Sur Fino deher ħiereġ minn San Vinċenz de Paule mill-bieb prinċipali li kien tħalla miftuħ mingħajr ebda persuna tas-sigurtà preżenti biex iwaqqfu. Is-Sur Fino deher ukoll fuq is-CCTV miexi biswit is-supermarket Lidl f’Ħal Luqa fit-3.17 a.m. 

Kien għalhekk li fl-opinjoni tal-Imħallef Valenzia, l-inċident seħħ għaliex prattiċi bażiċi li kellhom jiġi segwiti minn dawk il-ħaddiema li kienu responsabbli għall-kura ta’ ċittadini vulnerabbli u anzjani ġew traskurati. 

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva qal li ħa nota tal-inkjesta u għaddieha lit-tmexxija ta’ SVDP sabiex tittieħed kull azzjoni neċessarja kif stipulat fir-regolamenti tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC). Ir-rapport sħiħ se jingħadda wkoll lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani u l-Awtorità tal-Istandards SCSA għal skrutinju separat.

Il-Ministru Jo Etienne Abela tenna li din l-inkjesta ssejħet b’mod immedjat biex ikun stabbilit x’ġara f’dan il-każ għaliex jemmen fl-ogħla livelli ta’ kontabbiltà u l-aqwa servizz għall-anzjani tagħna. Sostna li dan il-każ ma jirriflettix fuq il-ħaddiema kollha ta’ din il-faċilità u faħħar l-isforzi tal-mijiet ta’ impjegati f’SVDP li b’dedikazzjoni u b’wiċċhom minn quddiem jagħmlu l-almu tagħhom, sabiex bil-qadi kuxjentuż ta’ dmirijiethom, mijiet kbar ta’ residenti jirċievu l-kura ta’ kwalità li jixraqilhom. 

Il-Ministru Jo Etienne Abela rrefera għal wkoll għal numru ta’ miżuri li daħlu fis-seħħ riċentament u saħansitra diġà jindirizzaw rakkomandazzjonijiet li saru fl-inkjesta. Audit ta’ kull aspett ta’ sigurtà fil-faċilità kien ikkummisjonat eżatt wara l-każ biex b’mod urġenti qed ikun hemm aktar uffiċjali tas-sigurtà għal fini ta’ moniteraġġ, filwaqt li l-pożizzjoni u s-sorveljanza tac-CCTV cameras qed tiġi aġġornata. 

Stqarr li mhemmx dubju li f’kull deċiżjoni, is-sigurtà, id-dinjità u tagħrif mediku jridu jkunu fil-qalba tad-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Intant, matul l-aħħar laqgħa tal-Bord tal-Management ta’ SVDP, ġew diskussi u ser jiġu implimentati linji gwida validati għal assessment multi-dixxiplinarju. Dan għandu jwassal għal bilanċ xjentifiku u kliniku bejn l-libertà u s-sigurtà tar-residenti, bil-għan li titnaqqas il-possibbiltà ta’ inċidenti ta’ dan it-tip. Dawn il-miżuri antiċipaw bosta mir-rakkomandazzjonijiet fil-lista riżultanti mill-inkjesta tal-Imħallef Valenzia. Din il-lista tirrakkomanda wkoll il-ħtieġa ta’ definizzjoni aktar ċara tad-dmirijiet tal-infermiera u carers, sistema ta’ skrutinju aħjar għal impjegati prospettivi u aktar armonija bejn il-ħaddiema u l-amministrazzjoni. 

Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li l-Ministeru ħa jkompli jagħmel dak kollu possibbli biex ir-rakkomandazzjonijiet mhux biss ikunu indirizzati iżda wkoll implimentati fl-iqsar żmien. Temm billi reġa’ aċċenna li l-livell ta’ kura aħjar għar-residenti u l-għeżież tagħhom, ser jibqa’ l-prijorità ewlenija tal-Ministeru tiegħu. 

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Christine Schembri, kellu laqgħa formali mal-qraba tas-Sur Fino fejn għarrafhom bir-riżultati tal-inkjesta, kif ukoll ma’ uffiċjali tal-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema f’SVDP. 

Sport