Sunday, November 24, 2024

Esponent tal-PN talab lill-Kummissarju għall-istandards biex jinvestigaw lill-Kabinett wara l-istqarrija fuq Fearne

Aqra wkoll

“Kien hemm persuna b’affiljazzjoni mal-Partit Nazzjonalista li talbet lill-Kummissarju Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex jinvestiga dan l-aġir tal-amministrazzjoni politika kollha ta’ pajjiżna,” u dan seħħ wara li l-Kabinett wera solidarjetà mal-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Hekk stqarr il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq One Radio s-Sibt filgħodu.

Il-Prim Ministru tkellem dwar diversi temi, b’mod partikolari dwar l-Isptarijiet u l-kumpanija Steward Healthcare. Dr Abela qal li “Jużaw l-alleati li jaħdmu fil-periferija tal-partit. Issa dan ma setax jaħbi idejh min kien, għax hu eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista, persuna li fl-Elezzjoni (Ġenerali) tal-2017 ikkandidat ruħha mal-Partit Nazzjonalista. Persuna li naħseb ma tantx għandha lill-Partit Laburista u lil kull min jimmilita fih għal qalba. Imma li fuq statement tal-Kabinett tal-Ministri jmur jirrapporta lill-Kabinett kollu. Dawn huma r-realtajiet ta’ dak li qed joffri l-Partit Nazzjonalista li juri ħaġa, imma fil-verità nafu li m’għandux l-interessi ta’ Mr Fearne għal qalbu.”

Dr Robert Abela fakkar kif il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kap Bernard Grech u l-eks Kap Adrian Delia fetħu kawża biex l-Avukat tal-Istat ikun jista’ jfittex lil Fearne personalment u biex ikun hu personalment li jħallas is-somma ta’ €400 miljun. Is-sentenza ta’ din il-kawża se tkun qiegħda tingħata l-ġimgħa d-dieħla.

Waqt l-intervista l-Prim Ministru qal li dak li jista’ jgħid dwar Chris Fearne hu li kien jaħdem bl-aktar mod rett u integru u professjonalità. “Lanqas tistenna, li għax inti tkun qed tiddefendi l-pożizzjoni ta’ pajjiżek, għax tkun qed taġixxi favur l-Istat Malti, ikun hemm xi ħadd li mqar jgħaddielu minn moħħu li jagħmel dawn it-tip ta’ attakki mill-aktar insensati u kattivi,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Mill-ġdid fakkar li l-Gvern kien talab lill-Avukati fl-Arbitraġġ Internazzjonali biex jekk kien hemm flejjes mill-konċessjoni tal-isptarijiet, li setgħu ntużaw biex ikun hemm dan l-attakk, jintraddu lura lill-poplu Malti.

Sport