Wednesday, April 24, 2024

Estiża l-età għall-persuni eliġibbli għall-Continued Glucose Monitoring programme

Aqra wkoll

Matul dan ix-xahar kienet għaddejja ħidma sabiex il-Continuous Glucose Monitoring programme ikun estiż għall-persuni li ma jaqbżux l-età ta’ 35 sena. Intant, fl-aħħar jiem ġa kien hemm mijiet li ġew ikkuntattjati filwaqt li oħrajn mistennija jirċievu notifika fil-jiem li ġejjin.

Il-pjan huwa li eventwalment fl-ewwel sitt xhur tas-sena li ġejja l-eliġibiltà tal-persuni li jikkwalifikaw għal din l-iskema tiġi estiża sa 45 sena u tibqa’ tiżdied b’mod gradwali.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-estensjoni tal-Continuous Glucose Monitoring.

Il-Continuous Glucose Monitoring hija sistema li ġiet introdotta b’xejn sentejn ilu għat-tfal u ż-żgħażagħ taħt is-16-il sena li għandhom it-type 1 diabetes. Dan bil-għan li jkun hemm sistema iktar sigura għal dawn il-persuni; sistema li tibgħat informazzjoni fuq app aċċessibbli permezz ta’ smartphone fejn wieħed ikun jaf is-sitwazzjoni preżenti f’fażijiet differenti tal-jum mingħajr ma jkollu għalfejn juża l-labar biex jieħu kampjun ta’ demm minn subgħajh (sistema iktar antika).

Dan kien pass importanti għaliex bħalma osserva tajjeb Fearne, il-livell taz-zokkor ivarja ħafna fost it-tfal u l-adolexxenti minħabba l-għadd ta’ movimenti u l-eżerċizzji fiżiċi li jagħmlu fuq bażi regolari.

Qabel ma ġiet introdotta din is-sistema, persuni li jieħdu l-insulina (dawk tat-type 1 diabetes) riedu jiċċekkjaw il-livell taz-zokkor xi sitt darbiet kuljum u xorta waħda ma kienx ikollhom stampa ċara ta’ x’qed jiġri.

Fearne fakkar ukoll li “L-istess skema, li ġiet introdotta sentejn ilu permezz ta’ proġett pilota, kienet ġiet estiża u baqgħet bla ħlas. Is-sena l-oħra kienet żdiedet sa 21 sena u telgħet għal 23 sena”. Huwa saħaq li permezz ta’ din is-sistema, il-kundizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun tista’ tiġi ssorveljata mill-professjonisti fuq bażi ta’ 24/7 sabiex f’każ ta’ allarm jinfurmaw lill-ġenituri.

Huwa sostna li pajjiżna għandu rata għolja ta’ persuni bid-dijabete u kkalkula li ta’ kull sena, Malta jkollha madwar 100 każ ta’ dijabete magħruf bħala ‘tat-tip 1’, li dan ħafna drabi jibda mit-tfulija. Fearne żied jgħid li sfortunatament sal-lum għad m’għandniex kura biex infejqu d-dijabete, iżda għandna mezzi biex nikkontrollawha, bħalma hija din is-sistema tal-Continuous Glucose Monitoring.

Fearne enfasizza dwar l-importanza li d-dijabete jinżamm taħt kontroll biex jiġu evitati każijiet ta’ emerġenzi, fosthom il-hyperglycemia (meta l-livell taz-zokkor jogħla ħafna) jew il-hypoglycaemia (meta l-livell taz-zokkor jitbaxxa ħafna) għaliex dawn jistgħu jkunu fatali.

Huwa fisser li anki jekk ma jinqalgħux dawn it-tip ta’ kumplikazzjonijiet, jista’ jkun hemm problemi oħra li wara numru ta’ snin il-kumplikazzjonijiet jidħlu ‘l ġewwa, bħal ngħidu aħna kumplikazzjonijiet fl-arterji tar-riġlejn li jistgħu jwasslu għal amputazzjoni (bħalma huma t-telf ta’ swaba’ jew id-driegħ), problemi fil-vista jew fil-kliewi, u problemi tal-qalb (eż. stroke jew xi puplesija).

Catherine Azzopardi, infermiera li tkellmet ukoll dwar l-istess suġġett waqt il-konferenza, bi qbil ma’ Fearne, fissret li l-Continuous Glucose Monitoring qed ikun t’għajnuna kbira biex titjieb il-kundizzjoni tal-pazjent u li sussegwentement iwassal biex jiġu evitati ċertu kumplikazzjonijiet.

Hija sostniet li din is-sistema hija ta’ benefiċċju kemm għall-pazjent kif ukoll għall-professjonisti.

Sport