Il-coach tar-Rumanija, Edward Iordanescu, talab apoloġija mingħand partitarji wara ġest “tal-mistħija” meta ddikjaraw li l-logħba finali tal-grupp tagħhom kienet se tkun “soluzzjoni” – wara li r-riżultat kien dak li kulħadd kien qed jistenna.
L-erba’ timijiet ta’ Grupp E, li kienu jinkludu wkoll lill-Belġju, lis-Slovakkja u lill-Ukrajna, kellhom tliet punti kull wieħed qabel l-aħħar ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi.
U kien hemm bosta partitarji li fuq il-media soċjali kitbu li kollox kien se jkun miftiehem minħabba li draw għar-Rumanija u s-Slovakkja kienet tiżgura li t-tnejn jgħaddu għall-Aħħar 16.
Infatti, il-logħba ta’ bejniethom spiċċat fi draw ta’ 1-1 biex jiżguraw li r-Rumeni temmew fl-ewwel post qabel il-Belġju.
Sadanittanti, is-Slovakki se jaffrontaw lill-Ingilterra fl-Aħħar 16 liema partita se tintlagħab nhar il-Ħadd li ġej, fid-9.00 pm.
Madankollu, minkejja li r-riżultat kien wieħed li ħafna kienu bassru, iż-żewġ timijiet ipproduċew konfront ta’ livell għoli, b’ritmu mgħaġġel kif ukoll ħarġu għall-goal.
U wara li ħarġet l-aħbar li r-Rumeni se jilagħbu kontra l-Olanda fl-Aħħar 16, Iordanescu li għandu 46 sena, żvela li jħossu insultat bil-kummenti ta’ ċerti partitarji Rumeni qabel il-partita.
Huwa qal:
“Qed nistenna apoloġija minn dawk il-partitarji li marru fuq il-media soċjali u kitbu dak il-kliem bla sens fit-tentattiv li jħammġu l-integritá tagħna.
“Kien messhom ħallew il-partita tintemm u mbagħad kien ikollhom id-dritt biex jgħidu dak li jridu.
Hu kompla: “Hemm bosta partitarji li għandhom jitolbu skuża … għax il-kummenti tagħhom kienu verament tal-mistħija. Messhom stennew qabel iġġudikaw. Kienu kummenti inaċċettabbli.
“Ma naċċettax li jintefa’ l-ħmieġ fuqna, mhux biss lit-team iżda wkoll lill-partitarji l-oħra. Fuq kollox urejna li għandna karattru.”
Għall-kronaka, is-Slovakki fetħu l-iskor fl-24 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Ondrej Duda. Iżda, fis-37 minuta, Razvan Marin kiseb id-draw minn penalty li kienet deċiżjoni kemmxejn kontroversjali.
Min-naħa tiegħu, il-coach tas-Slovakkja Francesco Calzona, ukoll wera r-rabja tiegħu billi tenna: “Ħadd ma seta’ jgħid li t-team tiegħi ma lagħabx biex jirbaħ għax attakkajna bla heda.”
Il-Belġju spiċċaw fit-tieni post wara li ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls mill-Ukrajna, li ġew eliminati.