Saturday, July 20, 2024

“Il-Green Deal tibqa’ importanti imma b’mod li ma nixħtux piżijiet fuq iċ-ċittadini”

… il-Prim Ministru Robert Abela fi Brussell għal Summit tal-Kunsill Ewropew

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll


“Fejn jidħol il-kuntest lokali, kuntent li qed nitkellmu mhux biss dwar tkabbir ekonomiku imma tkabbir ekonomiku ta’ kwalità.

Filwaqt li numru ta’ snin ilu, id-diskussjoni kienet waħda ta’ tkabbir tal-ekonomija biex noħolqu aktar xogħlijiet, illum id-diskussjoni għandna l-privileġġ li nistgħu niħduha lejn livell mhux ta’ aktar impjiegi imma iżjed kwalità fil-karrieri li noħolqu.


“Mhux li nkabbru niċċa ekonomika partikolari imma li ntejbu l-kwalità tal-produzzjoni ta’ dik in-niċċa ekonomika. Issa l-mixja trid tkun lejn waħda ta’ kwalità. Kwalità li tabbraċċja fiha żewġ bidliet kbar. Il-qalba diġitali, il-qalba ambjentali. Il-green deal tibqa’ importanti imma b’mod u manjiera li ma nixħtux il-piżijiet tagħna fuq iċ-ċittadini tagħna.”


Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti li ta lill-ġurnalisti qabel is-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell. Fost it-temi ewlenin fuq l-aġenda as-27 mexxej Ewropew hemm l-għażla tal-ogħla karigi tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin – l-irwoli tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Kunsill Ewropew u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika ta’ Sigurtà.


Il-Prim Ministru stqarr li hemm potenzjal tajjeb biex jaslu għal qbil dwar min se jkun qiegħed jokkupa dawn il-karigi importanti.

“Dak jawgura tajjeb biex meta jibda ċ-ċiklu istituzzjonali f’Novembru li ġej, imbagħad induru fuq l-aktar punt ta’ importanza li nindirizzaw il-messaġġ li bagħat il-poplu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-prijoritajiet rispettivi.”


Dr Abela tkellem ukoll dwar l-importanza tas-suq waħdieni u li dan jaħdem l-istess għal kull stat membru, irrispettivament mid-daqs tiegħu jew mill-kobor jew iċ-ċokon tal-ekonomija tiegħu.

Insista li rridu nibqgħu nimbuttaw l-importanza ta’ dan il-punt f’suġġett partikolari bħalma huwa dak tal-mediċinali li jolqot ir-realtajiet tal-poplu tagħna ta’ kuljum.

Sadanittant, f’kuntest ta’ żewġ gwerer – waħda fil-Lvant Nofsani u dik bejn l-Ukrajna u r-Russja – il-Prim Ministru enfasizza illi l-pożizzjoni ta’ pajjiżna tibqa’ waħda favur l-imbuttar tal-paċi.

Fl-istess waqt, huwa qal li: “nagħti s-serħan moħħ lill-poplu li ħdimna b’mod li naraw li l-importanza tan-newtralità li li toħroġ mill-kostituzzjoni ta’ pajjiżna tiġi salvagwardjata.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport