Monday, July 15, 2024

Euro 2024: L-Ingilterra favoriti kontra s-Slovakkja

Aqra wkoll

Illum tintlagħab it-tieni ġurnata tal-Aħħar 16 tal-Euro 2024 b’żewġ partiti mill-aktar interessanti fejn l-Ingilterra jiltaqgħu kontra s-Slovakkja u Spanja jaffrontaw lit-team rivelazzjoni, Georgia, li bla dubju ġibed l-ammirazzjoni tal-partitarji kollha wara l-prestazzjonijiet u l-wirjiet brillanti tagħhom.

INGILTERRA v slovakkja – 6.00 pm

Immexxija minn Gareth Southgate, l-Ingilterra jaffrontaw lis-Slovakkja fit-tielet partita mill-Aħħar 16.

Minkejja li rebħu Grupp C, it-Three Lions iddiżappuntaw bil-wirjiet medjokri li ġabu magħhom kritika qawwija.

Huma għelbu lis-Serbja bl-iskor ta’ 1-0 filwaqt li spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra d-Danimarku u 0-0 kontra s-Slovenja.

Il-captain, Harry Kane, skorja darba biss f’dawn it-tliet logħbiet u ġie kkritikat ukoll għall-wirjiet tiegħu.

L-aqwa skorer ta’ kull żmien tal-Ingilterra, skorja sitt goals fl-aħħar sitt dehriet tiegħu fl-istadji tal-Aħħar 16 ta’ tournaments ewlenin – tnejn minn kull tnejn fit-Tazza tad-Dinja 2022 u  erbgħa minn kull erbgħa fil-Euro 2020. Is-seba’ goals tiegħu b’mod ġenerali fir-rounds eliminatorji huma wkoll l-aktar minn kwalunkwe player Ingliż.

Min-naħa tiegħu, Southgate għadu ma ddeċidiex dwar it-trio ta’ nofs il-ground, wara li esperimenta bi Trent Alexander-Arnold flimkien ma’ Declan Rice, qabel biddlu ma’ Conor Gallagher kontra s-Slovenja.

Imbagħad, Gallagher dam biss 45 minuta qabel ma Kobbie Mainoo daħal minfloku, u huwa ż-żagħżugħ ta’ Manchester United li mistenni jibda kontra s-Slovakkja.

Min-naħa tas-Slovakki, bdew l-impenji tagħhom, fi Grupp E, b’rebħa sensazzjonali, li ssorprendiet lill-Belġju bl-iskor ta’ 1-0, b’goal ta’ Ivan Schranz li skorja wkoll kontra l-Ukrajna, li iżda, dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1. Peró, fl-aħħar partita tal-Fażi tal-Gruppi huma temmew fi draw ta’ 1-1 kontra r-Rumanija.

B’dan ir-riżultati huma aċċertaw posthom fl-Aħħar 16 bħala wieħed mill-erba’ timijiet li kklassifikaw l-aħjar fit-tielet post.

L-Ingliżi ma għandhomx problemi ta’ players imweġġgħin. Dan ifisser li Declan Rice, Kieran Trippier u Anthony Gordon huma dikjarati f’sikkithom.

Filwaqt li l-ewwel tnejn ħassew fastidju muskolari u saħansitra tħarrġu waħedhom, Gordon waqa’ minn fuq il-bicycle u weġġa’ geddumu.

U l-aħbar it-tajba għall-kamp Ingliż hija li Phil Foden irritorna fl-iskwadra wara li erbat ijiem kellu jmur pajjiżu biex jassisti lis-sieħba tiegħu għat-tielet wild tagħhom.

Anke s-Slovakki mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. 

L-Ingliżi jibdew bħala favoriti li jikkwa­lifikaw għall-kwarti-finali, iżda Slovakki żgur li se jqumu għall-okkażjoni minħabba li l-pressjoni tinsab kollha fuq l-Ingilterra.

Il-partita se tintlagħab fil-Veltins Arena fil-belt ta’ Gelsenkirchen.

SPANJA v GEORGIA – 9.00 pm

Il-favoriti Spanja jiltaqgħu kontra t-team rivelazzjoni ta’ dan it-tournament, Georgia, li bla dubju, huma appoġġati mill-partitarji newtrali madwar l-Ewropa kollha hekk kif rebħu r-rispett ta’ kulħadd wara r-rebħa fuq il-Portugall bl-iskor ta’ 2-0.

Huma bdew l-avventura tagħhom b’telfa ta’ 3-1 kontra t-Turkija sakemm wasal l-ewwel punt tagħhom fid-draw ta’ 1-1 kontra r-Repubblika Ċeka.

L-aktar tliet players li spikkaw huma l-goalkeeper, Giorgi Mamardashvili, l-aqwa skorer tat-tournament s’issa, Georges Mikautadze, u  l-winger Kvicha Kvarats­khelia li hu­wa l-arma letali tal-Ġorġani li bid-dribbling fin u veloċi tiegħu jitterro­rizza lid-difiżi avversarji u mhux ta’ b’xejn kullana ta’ clubs madwar l-Ewropa jridu l-firma tiegħu.

Din id-darba mhux se tkun faċli għalihom minħabba li jridu jissuperaw muntanja bl-isem ta’ ‘Spanja’ li huma l-favoriti netti li jirbħu dan it-tournament.

Peró, il-fatt li huma warrbu għal kollox l-isfida tal-Portugall, huma wkoll kapaċi jegħlbu lill-istess Spanja.

Fi Grupp A, huma għelbu lil Kroazja 3-0 u lill-Italja u lill-Albanija bl-iskor identiku ta’ 1-0. B’dawn ir-riżultati, l-Iberjani huma l-uniku team li rreġistra punti massimi fil-fażi tal-gruppi.

Georgia se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż, Anzor Mekvabishvili, wara li ntwera darbtejn il-karta s-safra. Għaldaqstant il-post ta’ dan il-midfielder se jimtela minn Solomon Kvirkvelia li dan l-istaġun ġie vvotat bħala l-player tas-sena ta’ Georgia.

Min-naħa tal-coach, Luis de la Fuente, se jagħmel bosta bidliet hekk kif fir-rebħa ta’ 1-0 fuq l-Albanija għamel rotazzjoni kompleta, biex jilgħab lil kulħadd u biex fl-is­tess waqt isserraħ lill-aqwa players li għandu.

Il-logħba se tintlagħab f’Rhein Energie Stadion ta’ Cologne.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport