Mil-lum jibda jintlagħab l-aħħar programm tat-tielet ġurnata tal-Fażi tal-Grupp tal-Euro 2024 hekk kif it-timijiet tal-istess grupp jilagħbu fl-istess ħin.
Bla dubju, l-aktar partita li tispikka hija dik bejn l-Isvizzera u l-ospiti l-Ġermanja fejn dawn tal-aħħar jimmiraw għal punti massimi filwaqt li punt ikun biżżejjed għall-Isvizzeri biex ikomplu javvanza f’dan it-tournament.
SVIZZERA v ĠERMANJA – 9.00 pm
Dan jista’ jitqies bħala speċi ta’ derby bejn żewġ pajjiżi ġirien ta’ xulxin.
Il-Ġermaniżi diġá kkwalifikaw għall-fażi eliminatorja ta’ din il-kompetizzjoni wara li għelbu lill-Iskozja 5-1 u lill-Ungerija 2-0.
It-team immexxi minn Julian Nagelsmann qed jispikka fil-logħob tiegħu bit- taħlita tal-element żagħżugħ flimkien mal- esperjenza.
Min-naħa tagħhom, l-Isvizzeri rreġistraw rebħa tajba ta’ 3-1 fuq l-Ungerija bi Kwadwo Duah, Michel Aebisher u Breel Embolo jkunu l-portagonisti.
Fit-tieni logħba tagħhom, huma spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra l-Iskozja b’Xherdan Shaqiri jiskorja wieħed mill-isbaħ goals ta’ dan it-tournament.
Huma għandhom ċans kbir li jkomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni speċjalment jekk jieħdu xi ħaġa minn dan il-konront kontra team li huwa ferm ikkwotat minnhom.
Id-difensur Svizzeru, Fabian Schar, kiser imnieħru fl-ewwel logħba kontra l-Ungeriżi iżda b’xi mod lagħab kontra l-Iskoċċiżi b’maskra protettiva. Wara żewġ logħbiet li beda bħala sostitut, Breel Embolo mistenni jibda mill-bidu hekk kif issa rkupra sew mill-injury ta’ rkopptu.
Il-coach Ġermaniż, Julian Nagelsmann, mistenni jserraħ xi players issa li kisbu l-kwalifikazzjoni mal-Aħħar 16. Fil-fatt, Jamal Musiala u Robert Andrich mistennija jiġu mserrħa b’dan tal-aħħar jinsab karta safra biss ‘il bogħod milli jiġi sospiż. Il-bqija huwa m’għandux players imweġġgħin għalkemm se jagħti ċans lil players oħra li ftit dehru f’dawn l-aħħar żewġ logħbiet.
Dawn iż-żewġ naħat iltaqgħu 52 darba kontra xulxin bil-Ġermaniżi jirbħu 35 konfront, l-Isvizzeri disgħa filwaqt li t-tmien logħbiet l-oħrajn spiċċaw fi draw.
Il-logħba se tintlagħab fid-Deutsche Bank Park, fi Frankfurt.
SKOZJA v UNGERIJA – 9.00 pm
L-Iskozja jimmiraw li jiksbu rebħa meta jaffrontaw lill-Ungerija minħabba li xejn għajr minn rebħa ma taqtagħlhom il-biljett għall-Aħħar 16. Rebħa tagħtihom impetus li jistgħu jikkwalifikaw bħala t-tielet team.
It-team immexxi minn Steve Clarke, sofra telfa kbira ta’ 5-1 kontra l-Ġermanja iżda mbagħad irkupra biex fit-tieni partita temm fi draw ta’ 1-1 kontra l-Isvizzera.
Clarke qed jittama li l-players tiegħu jiksbu dak li huwa meħtieġ biex ikomplu javvanzaw f’dan it-tournament.
Huwa jittama li l-players juru l-istess determinazzjoni u grinta li wrew kontra l-Isvizzera wara l-umiljazzjoni kontra l-Ġermanja.
Barra minn hekk talab lil ċerti players biex jgħollu l-logħba tagħhom minħabba li s’issa għadhom ma laħqux il-livell mixtieq.
L-Ungerija jinsabu virtwalment barra mill-kompetizzjoni hekk kif sofrew żewġ telfiet ta’ 3-1 kontra l-Isvizzera u 2-0 kontra l-Ġermanja.
Żgur li l-coach tagħhom, Marco Rossi, stenna xi ħaġa aħjar mill-players tiegħu li ħafna minnhom iddiżappuntaw fuq dan il-palk internazzjonali.
It-team Ungeriż ilu ma jirbaħ tmien partiti f’din il-kompetizzjoni fejn l-aħħar suċċess imur lura għas-sena 2016 meta għelbu lill-Awstrija 2-0.
L-Iskozja għandhom lil Kieran Tierney nieqes wara li fl-aħħar konfront kontra l-Isvizzeri nħareġ fuq stretcher. Huwa nbagħat lura mal-club tiegħu, Arsenal, fejn se jsirlu intervent kirurġiku, f’irkopptu.
Dan se jkun l-ewwel konfront bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet sa mis-sena 2018 fejn dakinhar kienu l-Iskoċċiżi li rebħu 1-0 bil-goal jiġi skorjat minn Matthew Philips.
Huma qatt ma ltaqgħu b’mod kompetittiv hekk kif fid-disa’ konfronti li ntlagħbu, l-Iskoċċiżi rebħu tlieta, l-Ungeriżi erbgħa filwaqt iż-żewġ partiti l-oħra spiċċaw fi draws.
Il-logħba se tintlagħab fl-MHP Arena, fil-belt ta’ Stuttgart.