Monday, May 6, 2024

F1: Max Verstappen jitla’ fil-quċċata tal-klassifika

Aqra wkoll

Is-sewwieq tal-Formula Wieħed, l-Olandiż Max Verstappen (Red Bull), iddomina quddiem il-pubbliku tiegħu stess,  fiċ-ċirkwit ta’ Zandvoort, biex qabeż fl-ewwel post tal-klassifika.

Din kienet l-ewwel rebħa tas-sewwieq Olandiż f’pajjiżu … u rreġistraha bi stil hekk kif waqqaf l-arloġġ f’ħin ta’ 1:30:05.395 … li jfisser 20 sekonda inqas mir-rival dirett tiegħu, il-Britanniku Lewis Hamilton (Mercedes). 

Quddiem 65,000 spetattur Verstappen telaq mill-ewwel post liema vantaġġ baqa’ jżomm sat-tmiem minkejja t-tentattivi ta’ Hamilton biex jipprova jissuperah biex irreġistra wkoll is-seba’ rebħa tiegħu tal-istaġun u s-16-il waħda tal-karriera tiegħu. 

Hamilton spiċċa fit-tieni post minkejja li l-Mercedes użaw lill-kollega tiegħu, il-Finlandiż Valtteri Bottas, li temm fit-tielet post bħala “pedina” biex jattakkaw lil Verstappen liema tattika ma rnexxitx minħabba li dan tal-aħħar ħarab ‘il quddiem u bl-ebda mod ma seta’ jintlaħaq.

Il-Mercedes għamlu dak kollu possibbli biex iwaqqfu lill-Olandiż billi ordnaw lil Hamilton fuq strateġija b’żewġ waqfiet u mbagħad ippruvaw jużaw lil Bottas biex iżommuh iżda l-veloċitá ta’ Verstappen kienet wisq għa­lihom. 

Dan minbarra li kien hemm xi nuqqas ta’ qbil bejn Hamilton u t-team tekniku dwar l-istrateġija adottatta hekk kif instemgħet il-konversazzjoni ta’ bejniethom fuq ir-radju tat-team. 

“Illum ir-Red Bull kienu veloċi wisq … ma stajna nagħmlu xejn,” qal Hamilton fuq ir-radju.

Intant, fil-kummenti tiegħu wara din ir-rebħa, Max Verstappen qal:

“Bla dubju, l-aspettattivi kienu għoljin fi tmiem il-ġimgħa u qatt ma kien faċli li nikseb din ir-rebħa, iżda jien kuntent ħafna li rbaħt hawn hekk kif issa ninsab ukoll fl-ewwel post tal-klassifika.

“Kienet ġurnata mill-isbaħ … il-partitarji kienu wkoll inkredibbli.”

Min-naħa tal-kap eżekuttiv tal-Mercedes, Toto Wolff, stqarr li din kienet rebħa mistħoqqa għal Verstappen u r-Red Bull. Huwa qal: “Kienu assolutament perfetti … u bla difetti.”

Il-klassifika ġenerali: 224.5 – Max Verstappen; 221.5 – Lewis Hamilton; 123 – Valterri Bottas; 114 – Lando Norris; 108 – Sergio Pereż; 92 – Charles Leclerc; 89.5 – Carlos Sainz; 66 – Pierre Gasly; 56 – Daniel Ricciardo; 46 – Fernando Alonso; 44 – Esteban Ocon; 35 – Sebastian Vettel

Sport