Sunday, December 22, 2024

FA Cup – Arsenal jilqgħu lil Liverpool fl-aqwa logħba

Aqra wkoll

Waħda mill-eqdem kom­pe­tizzjonijiet sportivi fid-dinja terġa’ tibda fi tmiem din il-ġimgħa meta tintlagħab it-tielet round tal-FA Cup.

It-tournament kien kontestat għall-ewwel darba fl-istaġun 1871-72, meta Wanderers FC għelbu lir-Royal Engineers fil-finali tat-tournament ta’ 15-il team f’Kennington Oval ta’ Londra.

Aktar minn 150 sena wara, 732 team daħlu fil-verżjoni ta’ dan l-istaġun tal-aqwa kompetizzjoni tal-clubs tal- football Ingliż, bil-finali se ssir fil-25 ta’ Mejju f’Wem­bley Stadium.

Kif inhi t-tradizzjoni, ir-rounds numerużi ta’ kwalifiki u l-ewwel żewġ rounds proprji tal-FA Cup kellhom esklussivament timijiet minn madwar il-livelli aktar baxxi tal-Ingilterra.

It-tielet round huwa meta l-20 team tal-Premier League u l-24 taċ-Championship (it-tieni livell) jingħaqdu mal-20 l-oħra mit-tieni round, li jinkludu t-timijiet l-inqas klassifikati li fadal fil-kompetizzjoni: 

Maidstone Uni­ted, li jikkompetu fis-sitt diviżjoni waqt li hemm ukoll trio ta’ clubs mill-ħames diviżjoni: Chesterfield, East­leigh u Aldershot Town.

Minn dawn l-erba’ timi­jiet huma Maidstone biss li se jkunu qed jilagħbu f’darhom meta jilqgħu lil Stevenage ta’ League One li qed jitħabtu biex jidħlu fil-play-offs.

Chesterfield u Aldershot se jiffaċċjaw logħbiet diffiċli meta jmorru jilagħbu kontra avversarji miċ-Championship, Watford u West Bromwich rispettivament waqt li Eastleigh ikunu away ukoll kontra Newport County li jinsabu fin-naħa t’isfel ta’ League Two, iżda ‘l bogħod mir-relegazzjoni.

Il-konfront ta’ għada bejn Arsenal u Liverpool fl-Emi­rates Stadium huwa l-partita vetrina hekk kif jiltaqgħu kontra xulxin iż-żewġ ġganti tal-Premier League li għadhom kif iltaqgħu kontra xulxin fl-istess stadium 14-il ġurnata ilu bil-logħba tin­temm 1-1.

Liverpool, li jinsabu fuq quddiem tal-klassifika b’45 punt, għandhom biss vantaġġ ta’ ħames punti fuq Arsenal li jinsabu fir-raba’ post.

Bejn iż-żewġ clubs, huma rebħu l-FA Cup fi 22 okkażjoni, b’Liverpool l-aħħar li għollew it-Tazza kien fl-2022. Għalkemm l-Gunners għalqu l-2023 b’żelqa ta’ tliet logħbiet (draw u żewġ tel­fiet), Liverpool għadhom bla telfa fi 13-il partita fil- kampjonat minn meta sofrew l-unika telfa tal-istaġun fit-30 ta’ Settembru barra minn darhom kontra Tottenham.

Għal dan il-konfront iż-żewġ timijiet se jkollhom bosta players ewlenin neq­sin. Mohamed Salah huwa l-aqwa skorer konġunt tal- Premier League dan l-istaġun b’14-il goal, iżda se jkun barra fuq dmirijiet internaz­zjonali mal-Eġittu fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani.

Il-midfielder ta’ Arsenal, Mohamed Elneny, se jkun ukoll mal-Eġittu, filwaqt li d-difensur xellugi Ukren, Oleksandr Zinchenko, huwa dubjuż b’injury fil-pexxul.

Ir-rebbieħa ta’ Treble sto­riku, Manchester City, se jib­dew it-tfittxija tagħhom biex jirrepetu r-rebħ tal-FA Cup meta jospitaw lit-team taċ-Championship, Huddersfield Town, fl-Etihad Sta­dium.

Il-Blues kellhom triq mhux daqstant diffiċli fi triqithom lejn il-finali fl-istaġun li għadda biex rebħu t-tazza għas-seba’ darba fl-istorja. Ir-rebħiet fuq Chelsea, Arsenal, Bristol City, Burnley u Sheffield United wassluhom għar-rebħa tagħhom ta’ 2-1 fuq ir-rivali mill-istess belt, Manchester United, f’Wembley Stadium.

Huddersfield jinsabu fil-21 post fil-kampjonat (minn 24 team) u fl-aħħar 13-il ħarġa kisbu żewġ rebħiet biss. Fuq il-karta, hemm nuqqas ta’ qbil totali peress li s-City għandhom ħafna iktar saħħa u riżorsi mill-avversarji modesti tagħhom.

Għalhekk wieħed jistenna li l-manager Pep Guardiola jserraħ xi wħud mill-istilel regolari tiegħu ħalli jsalvahom għal-logħob li ġej tal-Premier League.

Logħba li għandha tiġbed interess kbir fin-North-East tara lil Sunderland u Newcastle jiltaqgħu fli Stadium of Light meta issa qed jitħabtu biex jirritornaw mal-kbar wara ħafna snin.

Timijiet tal-Premier Lea­gue li jinsabu fin-naħa ta’ fuq fil-klassifika, Brighton, Chelsea, Aston Villa u West Ham, kollha se jiffaċċjaw timijiet miċ-Championship.

Brighton se jmorru għand Stoke li jinsabu s-sitta mill-aħħar, Chelsea jilqgħu lil Preston li jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika, il-Villa jmorru fir-Riverside Sta­dium kontra Middlesbrough, li huma wkoll jinsabu xxamplati fin-nofs tal-klassifika, bħal m’huma Bristol City li se jmorru fil-London Sta­dium kontra l-Hammers.

Ekonomija

Sport