Faċilità ġdida li se tkun qed tinbena mingħajr ma tittieħed iktar art fil-Kumpless ECOHIVE fin-Naxxar se tkun qed tgħin biex jiġi massimizzat il-valur tal-iskart goff.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt żjara fil-Kumpless ECOHIVE fin-Naxxar flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega li din il-faċilità se tkun qed tinbena b’mod innovattiv għall-aħħar hekk kif mhux se tkun qed tittieħed l-ebda art, għaliex se tinbena bejn żewġ miżbliet.
Il-Ministru Farrugia qal li din il-faċilità se tkompli ttejjeb l-immaniġġjar tal-iskart billi nersqu ‘l bogħod mill-miżbliet tal-passat. Dan l-impjant huwa parti mill-investiment ta’ €500 miljun li diġà ġie mħabbar – il-proġett ECOHIVE – li se jikkonsisti f’erba’ impjanti ġodda.
Din il-faċilità ġdida se tkun qed taċċetta skart goff li jidħol minn skips. F’din il-faċilità dawn il-materjali se jiġu sseparati skond it-tip ta’ skart u proċessati separatament bil-għan li jiżdied il-valur tal-materjal għall-esportazzjoni. Il-proċessi li ser isiru f’din il-faċilità huma mmirati biex jiġu rkuprati kemm jista’ jkun materjali u b’hekk innaqqsu mill-iskart li jmur fil-miżbla. Dan se jkun qed itejjeb ir-rata ta’ riċiklaġġ tal-pajjiż.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca qal li ta’ kull sena jidħlu mas-47,000 tunnellata ta’ skart goff imħallat permezz ta’ skips miftuħa. B’din il-faċilità, WasteServ se tkun qed tissepara dan l-iskart biex minflok tkun tista tibdlu f’riżorsa u tnaqqas mill-iskart li jispiċċa fil-miżbla. Madankollu, huwa ħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu użu minn dawn l-iskips biex xorta jisseparaw l-iskart għax b’hekk jagħmlu l-proċess iktar effiċjenti.
Din il-faċilità, b’investiment ta ‘l fuq minn €10 miljun, mistennija tibda topera fis-sena 2023.