Sunday, December 22, 2024

Fatalità waħda minkejja żieda fl-inċidenti tat-traffiku

Aqra wkoll

Bejn Lulju u Settembru tal-2023, l-inċidenti tat-traffiku fit-toroq Maltin żdiedu filwaqt li l-vittmi naqsu meta mqabbla mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel. Fl-istess perjodu tas-sena, minkejja li kienet reġistrata żieda fl-inċidenti tat-traffiku fit-toroq, seħħet fatalità waħda.

Ċfri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rrappurtati matul it-tielet kwart tal-2023 kien ta’ 4,351.  L-akbar numru taʼ inċidenti ġew irreġistrati fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port bʼ1,514 każ jew 34.8 fil-mija tal-inċidenti kollha.

Dawk imweġġa’ f’inċidenti tat-traffiku fit-toroq naqsu b’4.9 fil-mija għal 427 fuq l-istess perjodu fl-2022. Persuni midruba gravi kienu jammontaw għal 115 u kienu jikkonsistu f’66 sewwieq, 16-il passiġġier u 33 persuna miexja/ċiklisti jew oħrajn. Il-ġrieħi li sofra sewwieq wieħed kienu fatali. Matul dan it-trimestru, kien hemm ħames mwiet inqas minn dawk li ġraw fl-istess perjodu fl-2022.

Il-maġġoranza ta’ dawk li weġġgħu gravi kienu rġiel (77.4 fil-mija). Barra minn hekk, il-fatalità li seħħet matul dawn it-tliet xhur involviet raġel. Fir-rigward ta’ etàjiet, l-ogħla ammont ta’ diżgrazzji, 37.2 fil-mija, involvew persuni fl-età bejn is-26 u l-40 sena. 

L-akbar numru ta’ vittmi kienu jinvolvu karozzi tal-passiġġieri, segwiti minn muturi u vetturi li jġorru l-merkanzija. L-inċident fatali involva ħabta bejn vettura u oħra li ħalliet sewwieq mejjet.

Iċ-ċiklisti involuti f’inċidenti tat-traffiku ammontaw għal tmienja, fejn tnejn sofrew ġrieħi gravi, ħamsa sofrew ġrieħi ħfief u wieħed sofra ġrieħi insinjifikanti. Id-diżgrazzji tat-traffiku fit-toroq li jirriżultaw minn inċidenti bejn vetturi kienu fuq quddiem tal-lista tal-vittmi kollha tat-traffiku fit-toroq.

L-ogħla numru ta’ inċidenti tat-traffiku li fihom korrew in-nies seħħew fil-jum tal-Ġmgħa bi 72 diżgrazzja, filwaqt li l-ogħla numru ta’ inċidenti tat-traffiku seħħew fil-jiem tat-Tnejn b’692 każ.  Il-biċċa l-kbira tal-inċidenti tat-traffiku ġraw bejn 9:00 ta’ filgħodu u Nofsinhar b’1,002 każ segwita mill-medda ta’ ħin bejn it-3.00 ta’ wara nofsinhar u s-6.00 tal-filgħaxija b’914 każ. 

L-ogħla rata ta’ inċidenti kienet irreġistrata f’San Pawl il-Baħar b’254 każ, segwiti minn Birkirkara u Ħal Qormi, b’248 u 245 każ rispettivament.

Ta’ Kerċem, il-Fontana u San Lawrenz f’Għawdex irreġistraw inqas minn ħames inċidenti tat-traffiku fit-toroq.

Ekonomija

Sport