Sunday, December 22, 2024

Fearne mhux se jikkandida ruħu bħala Deputat Mexxej tal-PL

Aqra wkoll

“F’Settembru mhux se nikkandida ruħi għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista. B’hekk min jiġi elett se jkun jista’ jinħatar awtomatikament is-suċċessur tiegħi għall-kariga ta’ Deputat Prim Ministru. Huwa dan l-istess prinċipju fl-interess nazzjonali li kien wassalni biex nirriżenja minn Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Gvern, u biex nirtira n-nomina tiegħi għall-ħatra ta’ Kummissarju Ewropew”

Ħabbar dan fuq il-mezzi soċjali l-eks Deputat Prim Ministru u eks Ministru Chris Fearne, fejn irrimarka li se jkun qiegħed jagħmel dan għax hekk titlob l-irġulija u hekk titlob Malta li tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Fearne ħabbar dan, b’rezzjoni għall-fatt illi llum ingħalqet il-kumpilazzjoni fil-kawża li hu parti minnha. Fil-konfront tiegħu l-Qorti, wara li rat li hu kien membru tal-kabinett waqt is-snin tal-konċessjoni, ma waqqgħetx il-każ fl-istadju tal-prima facie. Kien hawn fejn irrimarka li fil-fażi li jmiss, se jkun jista’ jagħmel id-difiża sħiħa tiegħu.

Qal ukoll; “Ċert li l-Qorti se ssib il-verita, jiġifieri l-innoċenza sħiħa tiegħi. Fl-aħħar ġimgħat – u lil’hinn mill-proċess ġudizzjarju – inkixef frame-up malinn u maħmuġ fuqi li sewa lil min wettqu iktar minn €6 miljun. Frame-up li allegatament sar minn min huwa diġa’ imsemmi f’din il-kawża”.

Enfasizza li se jkompi jpoġġi l-interess ta’ pajjjiżu u r-rispett lejn il-Qorti, qabel kull konsiderazzjoni. Qal li dejjem hekk għamel u li hekk se jkompli jagħmel. Tenna kif fil-fażi li jmiss tal-proċess ġudizzjarju, se jibqa’ jsostni l-innoċenza sħiħa tiegħu u li dan se jagħmlu bil-fatti u b’konvinzjoni

Ekonomija

Sport