Monday, December 23, 2024

FEJN HI L-AĠENDA DINJIJA GĦALL-PAĊI?

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar sigħat rajna lill-Iran u l-iżrael iżidu it-tensjoni ta’ bejniethom. L-Iran attakka lil Iżrael ftit tal-jiem ilu u l-Iżrael irrisponda lura fl-aħħar sigħat. Din it-tensjoni ġdida bejn dawn iż-żewġ pajjiżi qajmet tħassib kbir.

Titħasseb aktar meta tara li l-falliment totali biex tinġab l-paċi fil-lvant nofsani. Dikjarazzjonijiet saru ħafna. Saru ħafna dikjarazzjonijiet. Imma meta tiġi biex tagħsar ma ssib xejn għajr li l-kunflitti baqgħu għaddejjin u magħhom dejjem jiżdiedu il-vittmi innoċenti.

Biżżejjed inħarsu lejn il-gwerra f’Gaża. Aktar minn 30,000 persuna innoċenti ħallew ħajjithom fosthom għadd kbir ta’ tfal u nisa. Ma ninsewx li l-kunflitt fil-lvant nofsani ma bediex f’Ottubru li għadda. Dan hu kunflitt li ilu snin twal għaddej. Fl-aħħar sitt xhur rajna kif l-attakki kienu qegħdin iħallu imwiet sostanzjali.

U meta țara dan il-kunflitt u dak li qed isir, ma tistax ma tistaqsix fejn hi n-Nazzjonijiet Uniti. X’qiegħda tagħmel beis issaltan il-paċi. Ma nistgħux ma nistaqsux fejn hi l-aġenda favur il-paċi.

Hi sfortuna u ħasra kbira li llum għandna politikanti Ewropej u pajjiżi li qegħdin jitkellmu fuq kif se jgħinu u jsaħħu pajjiż partikolari (l-Ukrajna) b’armamenti sofistikati.

Quddiem il-kunflitt li hawn fid-dinja bħalissa, ma nistgħux ma nistaqsux meta id-dinja se titgħallem li f’kull kunflitt li jsir m’hemm ebda rebbieħ. Fi gwerra l-ebda nazzjon mhu se jirbaħ iżda hemm telliefa biss.

Igawdu biss mill-kunflitt, dawk li jimmanifatturaw l-armi. Il-kunflitti iġibu telf ta’ ħajjiet innoċenti. Tkissir ta’ infrastruttura li imbagħad huma l-istess popli li jridu jerġgħu jibnuhom mit-taxxi tagħhom stess.

Il-mistoqsija tagħna hi sempliċi ħafna…..meta l-mexxejja se jkollhom aġenda ċar favur il-paċi? Aġenda li mhux tara lil min se taġevola jew lil min se titfa’ lura. Aġenda li l-għan tagħha tkun li fid-dinja verament tinħoloq il-paċi.

Aġenda li fiha ma jkunx hemm min ikollu interessi ulterjuri biex kunflitt jew ieħor jibqa’ għaddej. Aġenda li fiha ma narawx min jistaħba wara xi paraventu, bl-interess tiegħu ikun li kunflitt partikolari jibqa’ għaddej.

Qegħdin naraw Nazzjonijiet Uniti ineffettiva. Nazzjonijiet Uniti li mhux jirnexxielha iġġib iż-żewġ partijiet flimkien. Ma rnexxielhomx iwaqqfu il-ġlied biex għallinqas ipoġġu madwar mejda u tinstab soluzzjoni.

M’hemm ebda dubju li l-kunflitt li hawn bħalissa juru ħaġa waħda ċara – il-falliment għan-Nazzjonijiet Uniti li tintervjenti biex iġġib il-paċi.

Fejn huma l-politiċi ta’ stoffa li fejn ikun hemm gwerra kont issibhom fuq quddiem biex jintermedjaw u jġibu l-paċi. Sa issa qegħdin nibqgħu naraw laqgħat, diskussjonijiet u dikjarazzjonijiet fiergha.

Ekonomija

Sport