Wednesday, July 24, 2024

Fenerbahce jikkunsidraw li jirtiraw mill-kampjonat Tork

Aqra wkoll

Fenerbahce se jikkunsidraw li jirtiraw mill-ogħla livell tal-Football Tork wara li wħud mill-players tagħhom ġew attakkati minn partitarji ta’ Trabzonspor wara r-rebħa tagħhom barra minn darhom fi tmiem il-ġimgħa, qal il-club tas-Super Lig nhar it- Tnejn.

Il-partitarji ta’ Trabzonspor daħlu fil-ground u ġġieldu mal-forzi tas-sigurtà u l-players ta’ Fenerbahce wara li nhar il-Ħadd it-team tagħhom tilef 3-2 fl-aħħar inċident f’kampjonat li kien imħassar minn kontroversja dan l-istaġun.

Fenerbahce se jorganizzaw laqgħa tal-Assemblea Ġenerali Straordinarja fit-2 ta’ April, iddeċieda l-Bord tad-Diretturi nhar it-Tnejn.

Il-punti tal-aġenda jinkludu evalwazzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara l-inċident “inkluż l-irtirar tat-team ewlieni tal-football tagħna mis-Super Lig”, tinqara stqarrija tal-club.

Il-players ta’ Fenerbahce ġew milqugħa bi vjolenza hekk kif iċċelebraw ir-rebħa tagħ­hom f’Papara Park, fi Trabzon.

Bright Osayi-Samuel u Michy Batshuayi ta’ Fenerbahce, it-tnejn ippruvaw jintervjenu hekk kif is-servizzi tas-sigurtà daħlu fil-ground.

“Qatt mhu aċċettabbli li l-vjolenza ssir fil-grounds tal-football – fuq kollox, l-isport huwa sport tal-ġentlomi,” qal il-Ministru tal-Intern tat-Turkija, Ali Yerlikaya.

“Inbdiet investigazzjoni minnufih biex jiġu identifikati l-ispettaturi li daħlu fil-ground u biex jiġu investigati l-inċidenti li seħħew fi tmiem il-partita,” huwa kiteb fuq il-pjattaforma diġitali X.

Yerlikaya qal fil-jiem li għaddew li 12-il partitarju ġew arrestati.

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, ikkundanna l-inċidenti aktar kmieni nhar it-Tnejn, u qal li l-vjolenza fis-Super Lig Torka hija “inaċċettabbli”.

“Għidtha qabel, u nerġa’ ngħidha – mingħajr eċċezzjoni, fil-football, il-players kol­lha jridu jkunu sikuri u siguri biex jilagħbu l-logħba li ġġib daqshekk ferħ lil tant nies madwar id-dinja kollha,” huwa qal.

“Nappella lill-awtoritajiet rilevanti biex jiżguraw li dan ikun rispettat fil-livelli kollha u biex dawk li wettqu l-avvenimenti xokkanti fi Trabzon jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom.”

It-tensjoni bdiet tiżdied fis-87 minuta meta ġew mitfugħa oġġetti fil-ground wara li Batshuayi skorja dak li wera li kien il-goal rebbieħ għall-viżitaturi.

Dan huwa l-aħħar minn sensiela ta’ inċidenti kontroversjali fil-kampjonat Tork matul l-istaġun 2023-24.

F’Diċembru, ir-referee Halil Umut Meler, ġie attakkat mill-president tal-MKE Ankaragucu, Faruk Koca, li wassal għal sospensjoni fil-partiti tas-Super Lig.

Fenerbahce jinsabu t-tieni fil-klassifika b’79 punt minn 30 logħba, żewġ punti taħt Galatasaray u 30 minn Trabzonspor li jinsabu fit-tielet post.

Ekonomija

Sport