Wednesday, March 27, 2024

Festa Lazio minn Lazio Supporters Club Malta (Est 2000)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Maurizio Manzini hu isem komuni ħafna fi ħdan Lazio Calcio u l-partitarji akkaniti Biancocelesti. Hu twieled fil-25 ta’ Novembru 1940 u llum il-ġurnata għandu 81 sena. Għamel żmien mhux ħażin bħala team manager ta’ dan it-team mill-belt kapitali Taljana filwaqt li dejjem kien viċin il-players fil-ground, fid-dressing room u anke saħansitra kien meqjus bħala ħabib barra l-ground. Kien il-moħħ wara t-trasferiment ta’ diversi players li għamlu isem fit-team fosthom Giorgio Chinaglia, Bruno Giordano, Alessandro Nesta, Paul Gascoigne, Pavel Nedved, Hernan Crespo u Paolo di Canio.

F’Ruma hu ferm rispettat u jitqies bħala ikona minħabba l-imħabba li għandu lejn il-flokk u lejn l-arma. Ħafna jarawh bħala s-simbolu ta’ dan it-team li ra minn kollox minn diżappunti sa’ diversi tazzi mirbuħa tul għexieren ta’ snin; iż-żewġ kampjonati fl-1974 u l-2000, diversi suċċessi fil-Coppa Italia u s-Super Cup Taljana iżda wkoll fuq livell internazzjonali r-rebħa tat-Tazza tat-Tazzi fl-1999 u s-Super Cup Ewropea fl-istess sena.

Matul din il-ġimgħa, Manzini kien f’Malta bħala mistieden ta’ Lazio Supporters Club Malta (Est 2000) fejn iddeskriva l-esperjenza tiegħu kemm dam jaħdem bħala team manager ma’ dan il-club.

Talk.mt iltaqa’ ma’ Manzini fejn l-ewwel ħaġa li qalilna hi l-emozzjoni li ħass meta ltaqa’ mal-partitarji ta’ Lazio Supporters Club Malta (Est 2000) li kienu ferm numerużi u tawh merħba liema bħalha.

“Ninsab bla kliem inkellem lil ħuti l-partitarji ta’ Lazio (għax hekk inħobb insejħilhom). Dort diversi clubs u każini u dejjem sibt merħba kbira kull fejn mort. Madankollu kull post hu differenti minn ieħor minħabba li jkun hemm emozzjoni ġdida għalkemm l-għan hu dejjem l-istess; li nġorru l-bandiera bajda u ċelesti b’ċertu kobor.”

Hu qalilna li kull reġjun u pajjiż li jmur u jara l-passjoni tal-partitarji hi xi ħaġa li ma jistax jiddeskriviha.

L-ironija ta’ Manzini qiegħda fil-familja tiegħu stess hekk kif huma kollha ġejjin minn Ruma iżda għandhom simpatija lejn ir-rivali AS Roma.

“Kull meta Lazio jilagħbu kontra Roma dejjem ikun hemm dik id-daqsxejn ta’ inkejja bejnietna. Meta jirbħu Lazio, kulħadd ikun sieket u jien bilkemm nazzarda nċemplilhom biex qisni ninkihom. Iżda meta jirbħu Roma, miskin jien li nisma’ l-mobile idoqq u ma jiqafx!”

Manzini qal li jinsab onorat li jinsab Malta fejn ma stenniex din il-merħba kbira li tawh il-partitarji ta’ Lazio.

F’din il-laqgħa tkellem ukoll Andrea Agostinelli, ex player ta’ Lazio u llum coach ta’ Gudja United fejn qal li kull meta jiġi f’dan il-club Malti jħossu qisu d-dar minkejja li jinsabu ħafna kilometri ‘l bogħod. Hu jispjega wkoll diversi mumenti glorjużi mal-Biancocelesti fejn lagħab bejn l-1977 u l-1979 fejn skorja żewġ goals f’75 partita.

“Niftakar ħafna mumenti sbieħ ma’ dan il-club. Dħalt nilgħab mat-team tal-kbar ta’ 18-il sena u sena wara l-coach ta’ dak iż-żmien qabbadni biex inkun il-player li nagħti l-penalties.”

Agostinelli jgħid li l-esperjenzi ma’ Lazio huma diffiċli li jinsihom apparti li kien u għadu jgawdi rispett mingħand kulħadd.

Hu temm jgħid li ż-żmien jgħaddi għal kulħadd, il-players jinbidlu iżda l-arma u t-tim jibqa’ hemmhekk.

Mistoqsija dwar Lazio ta’ dan l-istaġun kemm Manzini kif ukoll Agostinelli kienu fiduċjużi li t-tim jilgħab ferm aħjar anke għax issa l-coach Maurizio Sarri għandu skwadra ferm kompetittiva bl-akkwisti ta’ xejn inqas minn tmien players.

Lazio jibdew l-impenji tagħhom fis-Serie A Taljana fi tmiem din il-ġimgħa b’logħba fi Stadio Olimpico kontra Bologna.

Ħajr speċjali għal din l-attivitá fosthom iż-żjara ta’ Manzini f’pajjiżna jmur għall-president tal-Lazio Supporters Club Malta (Est 2000), Edward Psaila, u l-kumitat immexxi minnu. 

Ekonomija

Sport