Friday, April 19, 2024

Ammont kbir ta’ ħut jinstab mejjet fi xmara fil-Polonja

Aqra wkoll

Konservazzjonisti qed jit­olbu għal investigazz­joni immedjata wara  li ammont kbir ta’ ħut instab mejjet fix-xmara li tgħaddi bejn il-Ġermanja u l-Polonja u eventwalment tiżbokka fil-Baħar Baltiku. 

Ix-Xmara Oder tibda mir-Repubblika Ċeka u tibqa’ għaddejja għal 742 kilometru bejn il-fruntieri tal-Polonja u l-Ġermanja. Din hija meqjusa bħala parti mill-Polonja u hija t-tieni l-itwal xmara li hemm f’dan il-pajjiż. 

Fid-dawl ta’ dak li nstab, voluntiera mill-Ġermanja u mill-Polonja bdew operazzjoni ta’ tindif.  Piotr Niezananski – li huwa direttru ta’ WWF ġewwa l-Polonja – qal li jidher li f’din ix-xmara ntefgħet xi kimika industrijali. Ġara li minħabba n-nixfa li hemm bħalissa fl-Ewropa, il-livell tal-ilma f’din ix-xmara naqas u b’hekk il-kimika ġiet iktar ikkonċentrata. 

Fid-dawl ta’ dan, Nieznanski ħeġġeġ lill-awtoritajiet governattivi biex jinvestigaw dan il-każ u talab biex kull informazzjoni tiġi ppubblikata.  L-awtoritajiet Pollakki wissew liċ-ċittadini biex ma jgħumux u lanqas imissu l-ilma ta’ din ix-xmara. 

S’issa s-sors tat-tniġġis li wassal għal dan id-diżastru naturali għadu mhux magħruf. 

Sport