Wednesday, April 24, 2024

It-temperatura massima għal Lulju ntlaħqet fit-tieni jum tax-xahar

Aqra wkoll

Lulju kien xahar aktar sħun milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena, fejn it-temperatura tal-arja medja qabżet in-norma klimatika ta’ 26.9°C b’1.7°C. It-temperatura massima għal Lulju ta’ 38.8°C intlaħqet fit-tieni jum tax-xahar, filwaqt li dik l-aktar baxxa kienet ta’ 21.3°C u tkejlet fit-tnax-il jum.

It-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet ta’ 27.9°C, jiġifieri 2.7°C ogħla min-norma klimatika għax-xahar ta’ Lulju. Din it-temperatura kienet ogħla anki mill-medja ta’ Awwissu ta’ 26.7°C.

It-tieni xahar tas-sajf meteoroloġiku kien imdawwal bi 378 siegħa xemxin, bis-sittax ta’ Lulju jkun l-aktar jum xemxi, hekk kif tkejlu ftit aktar minn 13-il siegħa xemxin. Il-kopertura ta’ sħab medja għax-xahar ta’ 0.6 oktas kienet ftit anqas min-norma klimatika ta’ 0.8 oktas.

Matul ix-xahar l-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa kejjel 0.2mm xita, jiġifieri ftit aktar min-norma klimatika ta’ Lulju.

Lulju kien xahar aktar kalm milli mistenni, bil-veloċità tar-riħ medja tkun ta’ 5.9 knots minflok in-norma ta’ 6.9 knots. Il-buffura massima tax-xahar ta’ 34 knots tkejlet fit-8 ta’ Lulju mill-Majjistral kwarta Punent.

IT-TEMP GĦALL-JIEM LI ĠEJJIN

Bejn l-10 u t-12 ta’ Awwissu, il-gżejjer Maltin intlaqtu minn ħalbiet ta’ xita, li kienu akkumpanjati minn beraq, buffuri ta’ riħ u qawwijin f’xi waqtiet. Dan it-temp huwa mistenni f’dan iż-żmien tas-sena, bil-preżenza tal-għarajjex ta’ Santa Marija, li huma sinonimi max-xahar ta’ Awwissu, jindikaw li dalwaqt ġejja bidla fl-istaġun.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temp ġeneralment sabiħ minn nhar is-Sibt sa nhar il-Ħamis. Huwa mistenni li xi temperaturi fil-jiem li ġejjin ikunu ogħla min-norma klimatika ta’ Awwissu ta’ 32°C, bit-temperatura mistennija tilħaq massimu ta’ 36°C nhar l-Erbgħa 17 ta’ Awwissu.

Sport