Tuesday, April 23, 2024

Festivals Malta jniedi t-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika… l-applikazzjonijiet issa miftuħa

Aqra wkoll

Wara r-ritorn grandjuż tal-Festival Kanzunetta Maltija permezz tal-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika; festival li ġie mxandar fuq it-televiżjoni u li attira ’l fuq minn 320,000 telespettatur fuq medda ta’ tliet iljieli, Festivals Malta ħabbar id-dati tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika li ser isir fl-24, fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2022.

Dawk interessati u jixtiequ jipparteċipaw għat-tieni edizzjoni tal-festival jistgħu japplikaw fuq is-sit elettroniku ta’ Mużika Mużika bejn is-17 ta’ Lulju u l-15 ta’ Ottubru 2021.

Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru José Herrera li faħħar is-suċċess tal-festival, li għalkemm ittella’ fi żmien diffiċli, xorta waħda rnexxielu jilħaq standard ta’ produzzjoni għolja li ġiet milqugħa mit-telespettaturi, mill-parteċipanti u mill-professjonisti ewlenin fl-industrija.

“L-għan tagħna hu li nkomplu ninvestu f’dawn il-festivals li jservu kemm bħala pjattaforma fejn l-artisti Maltin jesponu t-talenti bil-lingwa tagħhom kif ukoll bħala sors ta’ divertiment ta’ kwalità għolja għat-telespettaturi u għas-segwaċi tagħhom”, qal il-Ministru Herrera.

Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja qal, “Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni jiena kburi ngħid li Mużika Mużika ser jerġa’ jirritorna f’Marzu li ġej. Il-preparamenti għall-festival diġà għaddejjin ġmielhom u aħna qed nistennew bil-ħerqa li nibdew nirċievu s-sottomissjonijiet. Is-sena li għaddiet kellna 149 sottomissjoni minn artisti li jirrappreżentaw ġeneri ta’ mużika differenti u din is-sena qed nistennew li naraw dan in-numru jitla’. Aħna ninkoraġġixxu lil kulħadd biex japplika, ikun xi jkun il-ġeneru tal-kanzunetta. Dan il-pajjiż għandu talent mill-aqwa u Mużika Mużika joffri xhieda ta’ dan.”

Is-Sur Bugeja ħabbar li apparti minn hekk, is-semifinalisti kif ukoll numru ta’ artisti emerġenti ser ikunu jistgħu jesebixxu t-talenti tagħhom fuq programm televiżiv fuq TVM, li ser jiddokumenta l-avventura tagħhom waqt il-preparamenti għall-festival.

“Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ Festivals Malta huwa li joffri diversi pjattaformi fejn l-artisti tagħna jistgħu jesebixxu t-talenti tagħhom waqt li jissaħħaħ il-kalendarju kulturali Malti permezz ta’ produzzjonijiet tal-ogħla kwalità. Nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li permezz ta’ Mużika Mużika irnexxielna nisbqu l-aspettattivi kollha. Dan il-festival irnexxielu jerġa’ jixħet attenzjoni xierqa fuq il-mużika Maltija”, spjega ċ-Chairman ta’ Festivals Malta Norman Hamilton.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala spjegat li festival bħal Mużika Mużika jmur oltre milli jipprovdi pjattaforma fejn l-artisti lokali jistgħu jesebixxu t-talenti tagħhom, billi joħloq diversi opportunitajiet ta’ xogħol differenti għal nies li jaħdmu fl-industrija tad-divertiment – “Għan li sar ta’ prijorità kbira għalina kollha tul dawn iż-żminijiet diffiċli.”

Il-premjijiet ta’ Mużika Mużika għal din is-sena ser ikunu ta’ €20,000 għall-ewwel premju, €10,000 għat-tieni premju u €5,000 għat-tielet premju. Ser jingħataw ukoll premjijiet għall-Aħjar Interpretazzjoni u għall-Aħjar Kompożizzjoni. Is-semifinalisti kollha ser jirċievu wkoll €500 kull wieħed biex itaffu ftit mill-ispejjeż li jġib miegħu festival bħal dan. Fl-aħħar u mhux l-inqas, Festivals Malta ser jipproduċi vidjow mużikali għall-kanzunetta rebbieħa bħal fl-edizzjoni li għaddiet.

Min hu interessat li jipparteċipa u għall-aħħar regolamenti tal-festival għandu jżur www.muzikamuzika.mt.

Sport