Wednesday, April 24, 2024

L-Ambjent Marittimu mill-lenti tal-kamera tiegħek

Il-Bank of Valletta jappoġġja il-Marine Photographic Competition ta’ Din l-Art Ħelwa

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta qed jappoġġja l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Marine Photographic Competition ta’ Din l-Art Ħelwa. Kull sena Din l-Art Ħelwa torganizza din il-kompetizzjoni bħala parti mill-Blue Campaign tal-organizzazzjoni, fl-għan tagħha li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza li tipproteġi s-sbuħija u l-istat tal-kosta u l-baħar madwar il-Gżejjer Maltin.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tikkonsisti f’żewġ kategoriji – Kategorija A se tkun relatata ma’ ritratti ta’ kwalunkwe impatt negattiv ikkawżat minn attività umana fuq l-ambjent tal-baħar lokali, filwaqt li Kategorija B se tikkonsisti f’ritratti li juru s-sbuħija tal-ħajja taħt l-ilma madwar Malta u Għawdex. Premji fi flus se jingħataw lir-rebbieħa tal-ewwel u t-tieni post miż-żewġ kategoriji.

“Huwa d-dmir tagħna li nwasslu l-messaġġ li s-soċjetà kollha kemm hi mhix qed tagħmel biżżejjed biex tipproteġi l-ambjent tal-baħar u tal-kosta tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri,” qal il-Prof Alex Torpiano, President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa. “Din is-sena ddeċidejna li nuru lis-soċjetà żewġ aspetti differenti tal-ambjent tal-baħar. Waħda hija dik tal-ħajja ta’ taħt l-ilma apprezzattiva u estetikament pjaċevoli, filwaqt li l-oħra se turi l-impatt uman fuq l-ambjent tal-baħar tagħna.”

“Dejjem rċevejna tweġiba inkoraġġanti mill-parteċipanti għall-Marine Photographic Competition,” qal Dr Stanley Farrugia Randon, membru tal-kunsill f’Din l-Art Ħelwa. Kull sena l-kompetizzjoni sservi bħala inizjattiva edukattiva, li tattira l-interess ta’ parteċipanti minn skejjel tal-għaddasa, dilettanti tal-fotografija u dawk li għandhom l-ambjent f’qalbhom. “Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Bank of Valletta talli appoġġaw din l-inizjattiva, minħabba li l-għajnuna tagħhom se tkun strumentali biex twassal aħjar il-messaġġ ewlieni ta’ din il-kompetizzjoni.”

“Aħna kburin li qed nappoġġjaw din l-inizjattiva billi permezz tal-istampi tal-parteċipanti, se nkunu qed naraw is-sbuħija tal-ambjent taħt l-ilma madwar il-Gżejjer tagħna iżda fl-istess ħin naraw ukoll l-impatt tal-attività u l-imġieba tal-bniedem fuq l-ambjent,” qal Charles Azzopardi, Executive CSR & Communication fil-Bank of Valletta. Il-Bank reċentement beda vjaġġ biex jallinja l-programm Community Relations tiegħu ma’ viżjoni ESG, biex jaċċellera s-sostenibbiltà kemm fl-inizjattivi ta’ CSR kif ukoll fis-sett ta’ prodotti bankarji. “Fost valuri oħra ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU,” Il-Ħajja taħt l-Ilma’ hija għan wieħed li qed nagħtu importanza fundamentali għalih. Billi nappoġġjaw din il-kompetizzjoni ta’ Din l-Art Ħelwa ta’ din is-sena, qed nappoġġjaw lil din l-organizzazzjoni ħabrieka fil-Blue Campaign tagħha li għaddejja bħalissa.”

Ir-ritratt tiegħek jista’ jeduka lill-pubbliku fuq l-urġenza sabiex nipproteġu l-ambjent marittimu. Biex tipparteċipa f’din il-kompetizzjoni ibgħat email fuq [email protected] sat-30 ta’ Settembru 2021. Aktar dettalji, termini u kondizzjonijiet jinstabu fuq https://dinlarthelwa.org/uncategorized/blue-campaign-photographic-competition-for-the-marine-environment/

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u hija liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Sport