Saturday, December 21, 2024

Fi Spanja: Daqqa ta’ ħarta għal Barcelona u Real Madrid

Aqra wkoll

Il-clubs ta’ La Liga ddeċidew li ma jappoġġjawx lil Athletic Club, Barcelona u Real Madrid, fl-offerta tagħhom biex jipprovdu finanzjament alternattiv għall-ftehim CVC.

Aktar kmieni dan l-istaġun, il-bord eżekuttiv ta’ La Liga, magħmul mill-kapijiet ta’ 10 clubs, ivvota biex jgħaddi l-ftehim ta’ finanzjament CVC.

Il-ftehim ta lill-clubs ammont kbir ta’ flus bil-quddiem – li l-maġġoranza tagħhom iridu jintefqu fuq titjib fl-infrastruttura – bi tpattija għal 10% ta’ ċerti profitti għall-50 sena li ġejjin.

Athletic Club, Barcelona u Real Madrid irrifjutaw il-ftehim, u ddeċidew li ma jieħduhx.

U l-ġimgħa li għaddiet, il-kap ta’ Real Madrid, Florentino Perez, ippropona ftehim alternattiv, li deher aktar attraenti f’ċerti aspetti.

Il-ftehim kien self dritt, li jiswa lill-clubs inqas fuq l-imgħax matul 25 sena filwaqt li ma wiegħed l-ebda persentaġġ ta’ profitti futuri.

Iżda meta Perez jipproponi ftehim bħal dan, normalment mhux sempliċement għax irid jgħin lill-clubs sħabu.

Il-president ta’ Real Madrid qed jipprova jifforma Super League, u spiss kien fi gwerra mal-president ta’ La Liga, Javier Tebas.

Bosta clubs rrikonoxxew li din kienet logħba tas-saħħa u ddeċidew li jibqgħu leali lejn il-kampjonat.

Il-clubs ta’ La Liga u Segunda vvutaw favur il-ftehim CVC minkejja l-wegħda ta’ alternattiva.

UD Ibiza tas-Segunda biss ingħaqdu mat-tliet clubs imsemmija li rrifjutaw il-ftehim.

Ekonomija

Sport