Wednesday, April 24, 2024

“Fiduċjuż li bil-mudell ekonomiku tagħna jirnexxilna nkomplu nattiraw aktar nies”

Matthew Degiorgio, Direttur Maniġerjali Gianpula

Aqra wkoll

Gianpula Main Room li jinsab fil-limiti tar-Rabat u li hu wkoll wieħed mill-istabbilimenti ewlenin fejn wieħed jista’ jiddeverti f’pajjiżna, ġie kklassifikat fit-30 post tal-aktar klabbs ta’ divertiment fid-dinja. 

Dan l-istabbiliment li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni, għandu fi ħdanu numru ta’ klabbs fuq firxa kbira ta’ art u riċentement saħansitra kien innominat bħala wieħed mill-aqwa 100 klabb fix-xena tad-divertiment mondjali mill-INA (International Nightlife Association). B’hekk, Gianpula Main Room jikkompeti sew ma’ klabbs oħra ferm popolari madwar id-dinja.

Kollox beda fis-snin 90 meta farmhouse Maltija ġiet trasformata f’wieħed mill-iktar klabbs popolari f’pajjiżna u li laqa’ fi ħdanu bosta DJs rinomati fix-xena mondjali tad-divertiment u anke ospita avvenimenti ferm importanti f’dan il-qasam. Il-post fih ambjent mill-isbaħ b’bosta ġonna u għandu seba’ bars, sistema ta’ dwal u sound mill-aktar modern, arja għall-VIPs b’bars privati u faċilitajiet komdi ferm.

Il-klabb għandu numru ta’ avvenimenti organizzati bejn Mejju u Settembru, filwaqt li fix-xitwa dan jiġi msaħħan u mgħotti b’tinda kbira sabiex l-attivitajiet jibqgħu għaddejjin matul is-sena kollha.

Id-Direttur Maniġerjali ta’ Gianpula Main Room huwa Matthew Degiorgio. Hu, flimkien mat-tim tiegħu, jaħdem qatigħ sabiex jara dan il-klabb ikompli jżid fil-livell tiegħu filwaqt li jinvestu f’apparat ġdid sabiex kull min iżuru jkollu esperjenza sabiħa u li diffiċli jinsieha.

Gianpula Main Room

Talk.mt tkellem ma’ Matthew Degiorgio li kien sodisfatt ferm b’dak li rnexxielu jikseb flimkien mat-tim tiegħu: “Ninsab sodisfatt ferm b’dak li rnexxielna nagħmlu matul dawn l-aħħar snin. Dan l-unur hu premju għal dak li tant ħdimna għalih matul dan iż-żmien kollu. Mis-sena 2019 ‘l hawn ma kinitx daqshekk faċli minħabba s-sentejn li għaddejna magħluqin kawża tal-pandemija. Madanakollu, xorta rnexxielna nagħmlu gwadann ta’ 32 post fil-klassifika internazzjonali”.

Degiorgio sostna li hu ta’ unur kbir għalih li poġġa lil Malta fil-mappa tad-dinja fejn għandu x’jaqsam divertiment, u dan hu sinjal tajjeb li minnu jista’ jibbenefika wkoll it-turiżmu meta nafu li Malta hi ferm mfittxija minn diversi clubbers barranin. 

Fil-fatt, il-mistoqsija li segwiet kienet dwar l-opinjoni ta’ Matthew Degiorgio dwar il-clubbing f’pajjiżna. Kemm qed jiżviluppa dan il-kunċett?

“Nemmen li mexjin fit-triq it-tajba. Xorta baqa’ xi jsir, iżda fiduċjuż li bil-mudell ekonomiku tagħna jirnexxilna nkomplu nattiraw aktar nies. Aħna nirsistu ħafna sabiex inżidu din ix-xena ta’ divertiment u nagħmlu minn kollox sabiex Gianpula Main Room tissemma mhux biss minn min iżur dan il-kumpless iżda wkoll mid-DJs u mużiċisti li jiġu jagħtu l-wirjiet tagħhom hawnhekk. Għalhekk nasal biex ngħid li biex ix-xena tad-divertiment f’Malta tkompli tiżdied, irid ikun hemm is-sehem ta’ nies li bħali involuti f’dan il-qasam. Hawn potenzjal kbir f’pajjiżna u rridu nisfruttawh”.

Degiorgio kkonferma wkoll li l-iktar żmien li huma bħala Gianpula Main Room ikunu okkupati hu proprju fis-sajf. Hu ż-żmien li jiġu l-aktar turisti f’Malta u apparti minn hekk it-temp jippermetti li jiġu organizzati avvenimenti mid-DJs u preżentaturi Maltin. Dawn kollha jfittxu lil Gianpula għax jafu li l-kwalità tas-servizz u l-faċilitajiet iħabbtuha sew ma’ diskoteki barranin.

Iżda fil-Milied huma jkunu okkupati daqs is-sajf?

“Le fis-sajf inkunu aktar okkupati. Fil-Milied xorta waħda jiġu organizzati attivitajiet u festini, iżda l-maġġoranza tax-xogħol jinqala’ l-aktar fis-sajf. Aħna għandna l-vantaġġ li Gianpula għandu wkoll faċilità ġewwa u għalhekk b’xi mod nibqgħu għaddejjin”.

Finalment, Matthew Degiorgio radd ħajr lil bosta persuni li bis-saħħa tagħhom Malta saret destinazzjoni mfittxija għad-divertiment u lil bosta clubbers minn madwar id-dinja li vvotawlhom f’din il-klassifika: “Nixtieq nirringrazzja lil dawk il-Maltin u l-Għawdxin li xi darba jew oħra kienu magħna jiċċelebraw jew jattendu għal xi avveniment ta’ divertiment. Inwegħedhom li Gianpula se jkompli jinvesti u jtejjeb il-faċilitajiet u anke fil-klabbs l-oħra preżenti fi ħdan Gianpula Village bil-għan li dan il-post nibqgħu noffru fost l-aqwa divertiment f’pajjiżna”.

Matthew Degiorgio hu determinat li jibqa’ saqajh mal-art u fuq kollox kif qal hu stess mhux se jħalli dawn is-suċċessi jitilgħu għal rasu, anzi jibqa’ jaħdem sabiex itella’ dejjem aktar il-livell ta’ dan il-klabb fit-tentattiv li saħansitra jkun l-aqwa wieħed fid-dinja. 

Sport