Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?
L-isport minn dejjem kont inħobbu. Meta t-tfal kienu għadhom iżgħar, ħadthom għal kull tip ta’ sport li xtaqu jippruvaw. Tlettax-il sena ilu bdew jilagħbu hockey ma’ Qormi Hockey Club, u mhux biss sabu l-isport tagħhom hemm, imma għaddew il-passjoni lejn il-hockey lili wkoll. Sirt napprezza l-logħba tal-hockey iktar fil-fond, napprezza l-istrateġija wara kull logħba, l-għaqda li hemm, id-dixxiplina u l-livell ta’ impenn li hemm bżonn kemm mill-players kif ukoll mill-familjari tagħhom. Erba’ snin ilu ġejt avviċinata biex ngħin fil-kumitat fejn għadni nagħti l-ħin tiegħi sal-lum.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala membru tal-kumitat fi ħdan Qormi HC.
Bħala Segretarja tal-Klabb, nagħti sehmi fit-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-klabb. Nieħu ħsieb laqgħat bejn il-membri tal-kumitat, u komunikazzjonijiet uffiċjali tal-klabb. Nara wkoll li l-klabb tagħna ikun konformi ma’ liġijiet u regolamenti kif meħtieġ. Norganizza wkoll diversi attivitajiet għall-membri tagħna, flimkien mal-kumplament tal-kumitat. Barra minn hekk, ngħin kull fejn ikun hemm il-ħtieġa inkluż il-media soċjali tal-klabb. Jekk matul dan l-istaġun inkun hemm bżonn ngħin f’setturi oħra, ngħin ukoll.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-kampjonat minn Qormi Daikin Hockey Club matul l-istaġun li għadda?
Fil-klabb tagħna hemm ambjent ta’ familja fejn kulħadd jaħdem għas-suċċess b’dixxiplina, b’dedikazzjoni u bi mħabba kbira. Hemm sens qawwi ta’ appartenenza li jgħin biex il-klabb jibqa’ jikber u jirnexxi. Matul dan l-istaġun, s’issa rnexxielna nżommu diġa` tlieta mis-sitt unuri li ksibna l-istaġun li għadda lokalment. Irbaħna s-Super Cup b’riżultat storiku ta’ 9-1, irbaħna wkoll iċ-Challenge Cup, u erġajna rbaħna l-Kampjonat mingħajr ebda telfa. Jonqos tliet unuri oħra li qed nittamaw li jibqgħu għandna.
Top of Form
Bottom of Form
X’tikkummenta fuq is-suċċessi li ksibtu bħala klabb matul l-aħħar snin?
Is-suċċessi ma jiġux b’kumbinazzjoni, huma l-frott ta’ ħafna xogħol mill-kumitat, mill-grupp ta’ voluntiera li dejjem lesti li jgħinu, sigħat twal ta’ ppjanar mill-coaches tagħna, kif ukoll ħinijiet twal ta’ taħriġ b’dedikazzjoni u sagrifiċċji kbar mill-plejers. Qormi HC ilu għal dawn l-aħħar snin jikseb unuri kbar kemm lokali kif ukoll fil-kompetizzjonijiet fl-Ewropa.
Pero żgur li l-ikbar unur fl-istorja ta’ Qormi Hockey Club se jkun ir-rikonoxximent mill-EuroHockey li għadna kemm ingħatajna. Ġejna onorati bit-titlu ta’ Club of the Year għas-sena 2025. Dan l-unur huwa mument storiku għall-klabb, xhieda tat-talent u d-dedikazzjoni tal-plejers u l-istaff. Huwa mument ta’ kburija nazzjonali li jpoġġi lil Malta fuq il-mappa sportiva Ewropea.
Dawn is-suċċessi jpoġġulna saqajna iktar sodi mal-art u jfakkruna kemm irridu nżidu l-impenn tagħna biex inżommu l-klabb fil-quċċata fil-hockey Malti.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?
Irridu nkomplu nħarrġu lill-plejers żgħar tat-tim u nintegrawhom fil-logħob b’mod regolari biex nissodaw it-tim u nibqgħu nibnu fuq it-talenti u l-unuri passati. Naturalment, dan grazzi għat-team ta’ coaches li għandna, mmexxija mill-Head Coach Andre Ghio li jsegwi l-progress ta’ kull plejer b’mod individwali.
X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn jintlagħab il-hockey f’pajjiżna?
Meta wieħed iżur pajjiżi oħra, jinnota kemm il-kumpless tal-hockey ġewwa pajjiżna għandu bżonn immodernizzar u manutenzjoni kbira. Hemm bżonn bidla radikali mistħoqqa li għandha tirrifletti l-progress kbir li sar f’dan l-isport mill-clubs f’Malta.
Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-hockey f’Malta qiegħed dejjem jogħla. Għandna klabbs lokali li joffru kompetizzjoni qawwija lil xulxin u dan qed iwassal għal progress kontinwu fejn sena wara oħra qed nilħqu livelli ġodda. L-aqwa eżempju li nista’ nagħti biex nispjega dan huwa propju l-unur tal-Club of the Year li ngħata Qormi Hockey Club mill-EuroHockey. Huwa rikonoxximent li jinkoraġġina biex inkomplu ninvestu u nħarsu ‘l quddiem.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-hockey.
Suċċess ma jiġix mil-lejl għan-nhar. Jeħtieġ dedikazzjoni, dixxiplina u impenn kontinwu. Kull min jixtieq jasal għandu jiffoka fuq it-tagħlim, jisma’ lill-kowċis, u dejjem iżomm attitudni pożittiva anke f’mumenti diffiċli. L-esperjenza ta’ Qormi Hockey Club turi li b’ħidma f’tim, rispett u passjoni għall-isport, huwa possibbli li tilħaq livell għoli anke minn pajjiż żgħir bħal Malta.


