Saturday, May 2, 2026

“Nikkalkulaw li l-implimentazzjoni tal-manifest se twassal għal titjib ta’ aktar minn 25% fil-wellbeing tal-Għawdxin u tal-Maltin”

- il-Prim Ministru Robert Abela 

Aqra wkoll

“Għall-ewwel darba partit politiku Malti se jkun qiegħed jevalwa l-impatt tal-miżuri tiegħu mhux biss f’termini ekonomiċi u ta’ flus, iżda wkoll ta’ kemm il-ħajja tal-individu qiegħda tassew tinbidel għall-aħjar. B’kollox nikkalkulaw li l-implimentazzjoni tal-manifest se twassal għal titjib ta’ aktar minn 25% fil-wellbeing tal-Għawdxin u tal-Maltin. Dan mhux sempliċiment numru.Dan ifisser ħajja aħjar għall-poplu tagħna”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ta’ Qali, is-Sibt filgħodu fil-ħames jum tal-kampanja elettorali. 

Spjega li dan l-indiċi huwa mibni fuq 10 dimensjonijiet ewlenin tal-ħajja: Is-Sostenibbiltà Ambjentali, Il-Kwalità tal-Ambjent Lokali, Is-Saħħa, Il-Benesseri Personali, L-Akkomodazzjoni, Il-Protezzjoni Soċjali, Il-Parteċipazzjoni Ċivika u D-Drittijiet, Id-Dħul u L-Ġid, L-Edukazzjoni u L-Ħiliet, u L-Kwalità Tax-Xogħol.

Ġie spjegat li l-Indiċi tal-Benesseri huwa mibni fuq 10 dimensjonijiet u 20 indikatur u li kull dimensjoni hija rappreżentata minn żewġ indikaturi u kull wieħed għandu l-istess piż.Dan ifisser li kull dimensjoni tikkontribwixxi 10% għall-indiċi totali, filwaqt li kull wieħed miż-żewġ indikaturi fi ħdan id-dimensjoni jammonta għal 50% tagħha.

Proposta Mental health check-up b’xejn bi psikologu tal-għażla tiegħek

Il-Prim Ministru qal li wasal biex jiġi ffirmat kuntratt biex jinbeda sptar ġdida tal-kura akuta tas-saħħa mentali fuq l-istess sit ta’ Mater Dei, biex tintemm l-istigma fuq dan il-mard. Fuq dan is-suġġett, qal; “Se nniedu proġett pilota fejn persuni ta’ etajiet differenti se jkollhom l-opportunità li jagħmlu mental health check-up b’xejn għand il-psikologu tal-għażla tagħhom.

Proposta dwar il-passaport ta’ Heritage Malta b’xejn għal kulħadd

Fost il-proposti elenkati dalgħodu l-Prim Ministru semma kif; “Konna aħna li daħħalna l-passaport ta’ Heritage Malta għat-tfal u għal żewġ adulti li jakkumpanjawhom. Permezz tiegħu eluf daħlu b’xejn f’bosta mużewijiet u siti storiċi. Irridu li l-poplu Għawdxi u Malti jżur aktar dawn il-postijiet importanti u jżid l-għarfien tiegħu dwar l-istorja u l-identità ta’ pajjiżna”.

Huwa għalhekk li l-passaport ta’ Heritage Malta se jestenduh għal kulħadd u b’hekk l-Għawdxin u il-Maltin ma jkollhomx aktar bżonn li jħallsu biex iżuru dawn is-siti li huma s-sisien ta’ ġensna u l-kultura tagħna.

Proposta Study Leave sa għaxart ijiem

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ukoll li ħaddiema full-time se jingħataw jumejn fis-sena study leave mħallas li jibqa tiela sa ghaxart ijiem skont il-livell ta studju li qed isegwu. Dan il-leave jagħti kumpens tiegħu l-Gvern lil min iħaddem.

Proposta: Attivitajiet oħra fiżiċi b’xejn fl-iskema tal-gym bla ħlas

Dwar l-attivitajiet fiżiċi, il-Prim Ministru qal; “Is-sħubija b’xejn f’gym għal sitt xhur kienet ispirata mill-ħtieġa li tiġi promossa l-attivita fiżika u l-benesseri. Kellmuna diversi żgħażagħ li qalulna li huma jipprattikaw attivitajiet fiżiċi differenti, u ssuġġerew li l-iskema tal-Youth Fitness Support tkun estiża għall-attivita li huma jagħmlu. Dan jagħmel ħafna u ħafna sens u għalhekk se ninkludu attivitajiet fiżiċi oħra”

Se jitwessa’ t-test tal-PGT-M fil-proċedura tal-IVF

Il-Prim Ministru qal li taħt Gvern Laburista 1,000 koppja ngħataw id-dritt li jsiru ġenituri permezz tal-IVF. Qal iżda li baqa’ restrizzjonijiet li minħabba fihom ċertu koppji qed ikollhom isiefru biex jagħmlu l-IVF. Semma l-investiment fl-ART clinic u s-sinerġija ma’ klinika privata li permezz tagħha tjiebu r-riżultati. F’dan l-isfond qal li l-avvanzi fix-xjenza jippermettu li jerġgħu jitwessgħu l-kriterji, biex it-test tal-PGT-M li daħħal il-Gvern jiġi użat għal numru ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi oħra, fosthom mard rari li m’hawnx kura għalih u jista’ jwassal għal ħafna tbatija u mewt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport