Thursday, April 25, 2024

Fir-Russja: Editur ta’ gazzetta jbigħ il-midalja tal-Premju Nobel biex jgħin lir-refuġjati Ukreni

Aqra wkoll

L-editur tal-gazzetta indipendenti Russa, “Novaya Gazeta”, biegħ bi rkant il-midalja tiegħu tal-Premju Nobel għall-Paċi u din ġabet il-prezz ta’ $103.5 miljun. L-editur, Dmitry Muratov, qal li l-flus kollha minn dan il-bejgħ se jmorru għall-bżonnijiet tar-refuġjati Ukreni.

Muratov kien ingħata dan ir-rikonoxximent fl-2021 għall-ħidma tiegħu favur il-li­bertà tal-espressjoni ġewwa r-Russja. Il-gazzetta Novaya Gazeta kellha tissospendi l-operazzjoni tagħha f’Marzu li għadda, sewwasew ftit wara li r-Russja bdiet l-invażjoni tagħha fl-Ukrajna. Dan seħħ hekk kif Moska kienet qalet li kull min jiddeskrivi l-azzjoni­jiet tar-Russja fuq l-Ukrajna bħala “gwerra” dan jista’ jiffaċċja pieni ħorox jew inkella titwaqqaf l-operazzjoni. Il-Kremlin dejjem saħaq li dik fl-Ukrajna hija “operazzjoni militari speċjali”.

Muratov kien wieħed minn grupp ta’ ġurnalisti żgħażagħ li fl-1993 waqqfu l-gazzetta Novaya Gazeta ftit wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika. Mis-sena 2000 ’il hawn kien hemm xejn inqas minn sitt ġurnalisti ta’ din il-gazzetta u kollaboraturi tagħha li sfaw maqtula minħabba xogħolhom; fosthom il-ġurnalista investigattiva Anna Politkovskaya.  

Heritage Auctions, li hija l-kumpanija li wettqet l-irkant, ma żvelatx minn xtara l-midalja. 

Sport