Ġest nobbli bil-għan li ssalva persuna żviluppa fi ħbiberija bejn studenta tal-liġi u missier ta’ żewġt itfal li għandu 35 sena.
Chelsea Naylor, li tgħix fl-Amerika, saret meqjusa minn bosta bħala eroj meta għażlet li tkun donatriċi tal-organi għal Junior Foss, li sofra problemi fil-kliewi wara puplesija fl-2017.
L-istudenta Chelsea kienet rat post fuq il-midja soċjali biex tqajjem kuxjenza dwar id-donazzjoni tal-organi u ddeċidiet li tiffirma bit-tama li tkun kapaċi tgħin lil xi ħadd fil-bżonn.
Din id-deċiżjoni kienet tassew waħda importanti hekk kif intalbet tagħti kilwa lil raġel li ma tafux. Chelsea kienet qed tittama li l-persuna li rċeviet il-kilwa tkun trid tiltaqa’ magħha.
Minkejja li r-raġel kien jgħix kważi 181 mil ‘li bogħod fl-istat ta’ Virginia, Chelsea rnexxielha taqta’ xewqitha u t-tnejn li huma finalment iltaqgħu.
Din l-istudenta għaddiet minn operazzjoni ta’ tliet sigħat qabel ma’ ltaqgħet ma’ Junior ftit jiem biss wara li lestew l-operazzjonijiet rispettivi tagħhom f’April ta’ din is-sena.
Ma għaddiex wisq żmien sakemm it-tnejn li huma saru ħbieb. Junior qal li dejjem xtaq jiltaqa’ ma’ min kien tah il-kilwa biex jirringrazzjah u jagħmel ħabib ġdid. Qal li hija tassew barka li xi ħadd barrani jkun lest li jkun donatur tal-organi. Żied jgħid li bejniethom nibtet ħbiberija tassew sabiħa tant li jiltaqgħu wkoll biex jiċċelebraw għeluq sninhom.
It-tnejn li huma appellaw biex aktar nies jersqu ‘l quddiem u jagħżlu li jkunu donaturi tal-organi.
Ritratt: Mercury Press & Media