Miżuri f’pajjiżi Ewropej biex jikkontrollaw il-protesti

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Franċiżi imponew curfews matul il-lejl f’partijiet miċ-ċentru ta’ Pariġi u fi bliet oħra, wara tmiem il-ġimgħa li kien iddominat minn rewwixti u serq madwar il-pajjiż. 

Il-Pulizija f’Pariġi qalet li l-curfew se jidħol fis-seħħ bejn il-11.00 p.m. u s-6.00 a.m. fi Place de La République fejn id-dimostranti kienu nġabru fi tmiem il-ġimgħa, kif ukoll fiż-żona kummerċjali ta’ Les Halles. 

F’diversi partijiet oħra taċ-ċentru tal-belt ġiet imposta wkoll projbizzjoni fuq ġemgħat mhux awtorizzati. 

Sadanittant, tħabbru wkoll curfews parzjali f’diversi bliet oħra, li jirrestrinġu b’modi differenti l-moviment taż-żgħażagħ u l-ġemgħat ta’ nies. Dawn kienu jinkludu Marsilja, Bordeaux, Nizza u Lyon, kif ukoll Lille u bliet oħra fit-Tramuntana.

Il-Ministru għall-Intern Laurent Nuñez, li kien ikkritikat bil-qawwa mill-politiċi tal-oppożizzjoni minħabba nuqqas ta’ preparazzjoni f’każi bħal dawn u li r-riżenja tiegħu ġiet irrifjutata mill-President Emmanuel Macron, kien ammetta li l-pulizija “tilfet il-kontroll” f’xi bliet. 

Il-protesti bdew ix-xahar li għadda, meta studenti kienu talbu għal kundizzjonijiet aħjar fl-iskejjel. Madankollu, minn dak iż-żmien ’l hawn, il-protesti kibru u bdew jinkludu firxa usa’ ta’ tħassib. 

Skont l-uffiċjali, aktar minn 2,500 persuna ġew arrestati. Dan filwaqt li madwar 1,000 uffiċjal tal-pulizija ndarbu. 

Wara laqgħa ta’ emerġenza nhar it-Tnejn, il-Prim Ministru qal li s-Sindki lokali kienu qed jingħataw is-setgħa li jimponu curfews “fejn ikun meħtieġ” mingħajr ma speċifika f’liema bliet kienu se jiġu infurzati.

Il-Prim Ministru Sébastien Lecornu, li ma eskludiex il-possibbiltà li jiġi ddikjarat stat ta’ emerġenza fil-pajjiż, qal li l-Gvern se jwarrab ukoll fondi biex jgħin liż-żoni milquta jirkupraw mill-ħsarat li ġarrbu. Huwa qal li l-ispejjeż ta’ dawn il-fondi se jiġu rkuprati mingħand dawk responsabbli għall-vjolenza.

“Se tiddaħħal liġi biex jinstabu modi kif jiġi żgurat li dawk li għamlu ħsara lill-proprjetà jkollhom iħallsu għaliha,” qal Lecornu. Huwa ħabbar ukoll fond ta’ għajnuna parzjali għal dawk li ma setgħux imorru għax-xogħol minħabba r-rewwixti.

Intant, fl-Albanija, issokta l-ġlied bejn dimostranti u pulizija kontra l-irvellijiet. Id-dimostranti, li ħafna minnhom huma studenti tal-iskola sekondarja u tal-Università, qed jippruvaw ineħħu lill-Prim Ministru Edi Rama, li jinsab taħt pressjoni kbira. Skont ċifri uffiċjali, qabel il-ġlied tat-Tnejn kienu ndarbu 295 persuna, li 186 minnhom kienu uffiċjali tal-pulizija.

Fil-mira ta’ dawn il-protesti kien hemm għassa tal-pulizija u binjiet tal-gvern f’Tirana. Id-dimostrazzjonijiet huma mmexxija minn talbiet għal kundizzjonijiet aħjar fl-universitajiet, rabja dwar il-korruzzjoni u sejħiet għar-riżenja ta’ Rama.

Min-naħa l-oħra, fl-Italja, ġie rrapportat kif il-Prim Ministru Giorgia Meloni mistennija tapprova miżuri ta’ emerġenza relatati mas-sigurtà, wara li protesti dwar iż-żieda għall-għoli tal-ħajja eskalaw fi ġlied vjolenti f’Milan. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport